Il-PN Se Jkompli Jara Li L-Università Ta’ Malta Taħdem Bl-Aħjar Mod U Jkollha L-Fondi Kollha Meħtieġa
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel dak kollu possibbli biex l-Università ta’ Malta taħdem bl-aħjar mod possibbli u jkollha l-fondi kollha meħtieġa. Għaldaqstant, ma jista’ jaċċetta qatt li l-Gvern iqaċċat €1.1 miljun ewro mill-fond, f’mossa oħra li turi kif Robert Abela jrid jissikka ċ-ċintorin mas-settur edukattiv u mar-riċerka, ma’ uliedna u l-futur tagħhom.
Din kienet il-pożizzjoni espressa f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem għall-Edukazzjoni Justin Schembri u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, wara dak li kien żvelat fl-aħħar jiem. Dan hekk kif, għall-Partit Nazzjonalista, l-Edukazzjoni se tkompli tingħata l-ogħla prijorità.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fil-Gvern ilu ma jagħtix l-importanza mistħoqqa li dan is-settur sa minn meta biddel Ministru tal-Edukazzjoni kull sentejn u meta issa spiċċa se jniedi passi ta’ awsterità mal-istudenti. Dan fost il-kritika wkoll tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u 25 għaqda studenteska oħra li jirrappreżentaw 12,000 student.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif deċiżjoni bħal din turi kif l-Aqwa Żmien spiċċa u issa qed jagħżel li jdur għall-bwiet tan-nies u għal setturi importanti bħall-Edukazzjoni.
Min-naħa l-oħra, jappella lill-Gvern biex jagħti kas l-appelli li l-esperti u tal-Partit Nazzjonalista ilhom jagħmlulu minn Mejju biex iħabbar mini-budget li jindirizza l-ħtiġijiet tal-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll tan-negozji, li lkoll qed iħabbu wiċċhom ma’ għoli tal-ħajja bla limitu.