Tibdil Fil-Protokoll Tal-Għoti Tad-Demm
Mil-lum, il-protokolli tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm, li jirregolaw min jista’ jkun donatur tad-demm, ġew emendati sabiex kull persuna tkun eliġibbli li tagħti d-demm irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuna konċernata.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet miċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm f’Gwardamangia, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li permezz ta’ investiment f’apparat sensittiv li janalizza d-demm, kien possibbli li d-differiment speċifikament relatat ma’ donaturi rġiel omosesswali tiġi emendata. Għaldaqstant, permezz ta’ dan l-apparat, persuna li tkun tixtieq tagħti d-demm trid tkun ilha tal-inqas 4 xhur f’relazzjoni sesswali stabbli ma’ persuna waħda.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li din ir-restrizzjoni tapplika għal kull donatur u b’hekk tneħħiet id-diskriminazzjoni f’dan il-qasam. Huwa fakkar kif din hija wegħda elettorali oħra tal-gvern li twettqet fl-ewwel ftit xhur tal-leġislatura l-ġdida.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li s-sena li għaddiet, taw id-demm 16,500 persuna, minnhom 1,200 kienu donaturi ġodda. Huwa faħħar l-att ta’ ġenerożità kbira ta’ dawn id-donaturi; “Kull wieħed minn dawn id-donaturi huma neċessarji għaliex ta’ kuljum is-sistema tas-saħħa jkollha bżonn mal-45 unit ta’ demm, għalhekk dawn id-donaturi qegħdin isalvaw il-ħajjiet.”
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lid-donaturi tad-demm, f’isem il-professjonisti mediċi u f’isem il-pazjenti, filwaqt li ħeġġeġ lil iżjed persuni jagħtu d-demm anke għall-ewwel darba.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li Malta għandha l-unur li tkun fil-quċċata tal-klassifiċi internazzjonali bl-introduzzjoni ta’ liġijiet li huma favur l-ugwaljanza. Is-Segretarju Parlamentari qalet li meta persuna tagħti d-demm huwa ġest nobbli li jista’ jsalva l-ħajjiet.
“Illum ħabbarna l-proċeduri ġodda li se jindirizzaw id-diskriminazzjoni li kienet teżisti abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tal-individwu. Id-demm ta’ kulħadd l-istess. Dawn il-miżuri huma turija ċara li dan il-gvern jibqa’ l-gvern tar-riformi, id-drittijiet u l-ugwaljanza,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.