“Il-Kwalità Tal-Ħajja Li Tixirqilna”: Il-PN Iniedi T-Tema U L-Programm Għall-Festi Tal-Indiependenza 2022

 “Il-Kwalità Tal-Ħajja Li Tixirqilna”: Il-PN Iniedi T-Tema U L-Programm Għall-Festi Tal-Indiependenza 2022
Il-Partit Nazzjonalista dalgħodu nieda t-tema u l-programm ta’ attivitajiet b’rabta mal-Festa tal-Indipendenza 2022.
Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Alex Perici Calascione ħabbar li t-tema li se tkun qed tintuża’ matul dawn l-attivitajiet hi “Il-Kwalità tal-Ħajja li Tixirqilna” għax il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Indipendenza għadha relevanti fil-kuntest tal-kwalità tal-ħajja minħabba li kull wieħed u waħda minna hu responsabbli mid-deċiżjonijiet li nieħdu.
Alex Perici Calascione qal li l-għażliet li jieħu l-poplu jġibu magħhom obbligi fuq il-mexxejja biex tkun garantita soċjetà bbażata fuq il-prinċipji li l-poplu tagħna tant jgħożż u jemmen fihom. Għax il-kwalità tal-ħajja tinkludi l-mod kif ngħixu: il-ħajja ta’ kuljum, il-mod kif qed tiżviluppa s-soċjetà u l-futur li għandna quddiemna.
B’din it-tema, il-Partit Nazzjonalista jrid iwassal il-messaġġ li l-poplu ħaqqu jgħix f’soċjetà mibnija fuq il-valuri u l-prinċipji tas-sewwa.
B’dawn il-ħsibijiet f’moħħu, il-logo imniedi matul il-konferenza tal-aħbarijiet jirrappreżenta lis-soċjetà magħmula minn faxex differenti iżda li flimkien jiffurmaw is-soċjetà Maltija minkejja d-differenzi bejniethom.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’soċjetà li fiha kulħadd ikollu post ugwali u hu għalhekk li se jibqa’ jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Dan anke fid-dawl li bil-kisba tal-Indipendenza, is-soċjetà setgħet tiddeċiedi hi kif tfassal lilha nnifisha.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino ħabbar il-programm ta’ attivitajiet li se jinżammu matul Settembru, bil-qofol jintlaħaq fl-20 tax-xahar madwar il-Monument tal-Indipendenza fil-Floriana, fejn il-Partit Nazzjonalista se jħares lejn l-importanza tal-għaqda nazzjonali.
Spjega li għal din l-attività se jkunu mistednin ukoll il-partiti u l-imsieħba soċjali, biex isellmu lil Malta Indipendenti ftit metri ‘l bogħod mill-Arena tal-Indipendenza fejn 58 sena ilu pajjiżna ngħata rajh f’idejh, u tingħalaq b’diskors mill-Kap tal-Partit Bernard Grech.
Matul l-attività “Insellmu lil Malta Indipendenti”, il-Partit Nazzjonalista se jirrikonoxxi l-passat fil-mixja politika tal-poplu, janalizza l-preżent u jipproponi għall-futur. Hu għalhekk li matulha se jitkellmu l-istoriċi, iżda anke ż-żgħażagħ, ladarba l-Indipendenza tibqa’ relevanti għall-ġenerazzjonijiet futuri, mingħajr ma ninsew il-kisbiet li għamlu ta’ qabilna.
L-attivitajiet kollha li se jsiru matul Settembru huma dawn:
– Il-Ġimgħa, 16: Laqgħa mal-Attivisti u l-għeruq tal-Partit
– Is-Sibt, 17: Laqgħa mal-Attivisti u l-għeruq tal-Partit
– Il-Ħadd, 18: Laqgħa Politika fin-Naxxar
– It-Tnejn, 19: Laqgħa Politika fis-Siġġiewi
– It-Tlieta, 20: L-attività “Insellmu lil Malta Indipendenti” madwar il-Monument tal-Indipendenza fil-Floriana
– Il-Ħadd, 25: Attività Politika f’Għawdex
Attivitajiet sportivi organizzati minn TimSport PN:
– L-Erbgħa, 21: Ġirja/Mixja ta’ 5km
– L-Erbgħa, 21: Sparatura Tradizzjonali tal-Indipendenza
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com