Jiġi Ppubblikat Ir-Rapport Annwali Li Jimmarka L-Aħħar Stadju Tal-implimentazzjoni Tal-Istrateġija Ta’ Ugwaljanza LGBTIQ+ 2018-2022
Waqt il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Unit għall-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi Sesswali (SOGIGESC), fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg laqgħet il-pubblikazzjoni tar-rapport annwali relatat mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Ugwaljanza LGBTIQ.
Ir-rapport ta’ din is-sena jimmarka l-aħħar stadju ta’ implimentazzjoni tal-Istrateġija 2018-2022, dokument li avvanza b’mod konsiderevoli l-viżjoni ta’ ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant, ser jibda x-xogħol sabiex tiġi varata strateġija ġdida b’konsultazzjoni mal-kunsill konsultattiv li jilħaq fi ħdanu rappreżentanti tal-komunità LGBTIQ.
Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tkellmet dwar l-impenn tal-gvern biex jibqa’ jsaħħaħ il-qafas legali ta’ pajjiżna. Hija spjegat li matul din il-leġiżlatura, il-gvern se jkun qed imexxi ’l quddiem l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza u l-Abbozz ta’ Liġi tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, żewġ proposti leġiżlattivi deċiżivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni.
“Il-kostituzzjoni ta’ pajjiżna tpoġġi l-pedament biex f’pajjiżna nkunu stmati lkoll ugwali. Iżda nafu wkoll li dik tingħata l-ħajja minn min ikun qed imexxi. Ottimista li bil-mod kif ħdimna bħala gvern tul dawn is-snin se nkomplu naħdmu biex b’dawn il-miżuri ntejbu l-ħajja tan-nies ta’ madwarna u tat-tfal li għadhom iridu jitwieldu,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. Ikkonkludiet billi rringrazzjat lil dawk kollha li kkollaboraw mas-SOGIGESC Unit fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u tenniet l-impenn tal-gvern għal progress lejn ugwaljanza sħiħa.
Ir-rapport annwali li ġie ppreżentat isemmi diversi oqsma oħra li s-SOGIGESC Unit ħadmu bis-sħiħ biex ikun hemm aktar ugwaljanza fis-soċjetà. Fost il-ħidma li saret, ir-rapport jelenka inizjattivi sabiex tintlaħaq l-ugwaljanza fl-isports, l-ugwaljanza fis-settur tal-edukazzjoni kif ukoll tissemma l-ħidma li saret sabiex jissaħħaħ is-servizz mogħti mill-Gender Wellbeing Clinic.
Il-konferenza ġenerali annwali kienet indirizzata wkoll mis-Sur Michael Camilleri, Direttur tad-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem u minn Gabriella Calleja, li hija l-kap tas-sezzjoni għall-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi Sesswali (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem.