Madre Tereża: 25 Sena Wara Mewtha

 Madre Tereża: 25 Sena Wara Mewtha

F’jum il-festa liturġika tagħha, illum f’Kalkutta ġie mfakkar il-25 anniversarju mill-mewt ta’ Madre Tereża. Kif ħabbret is-superjura Sr Mary Joseph, is-sorijiet fakkru l-fundatriċi tagħhom b’ġurnata ddedikata kollha kemm hi għall-qadi tal-foqra, fl-istil tal-qaddisa Madre Tereża.

Kif jiġri kuljum, l-ewwel impenn għall-Missjunarji tal-Karità kien iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. F’din l-okkażjoni tal-lum, imexxi ċ-ċelebrazzjoni fil-kappella tal-fundatriċi Madre Tereża kien hemm l-Arċisqof ta’ Kalkutta, Mons Thomas D’Souza, li fi tmiem iċ-ċelebrazzjoni, flimkien mas-sorijiet talab fuq il-qabar ta’ Madre Tereża.

Inbidel xi ħaġa għall-missjunarji tal-karita’ mill-1997 ‘l hawn?’ staqsa lilu nnifsu Mons D’Souza fl-omelija tiegħu. It-tweġiba hija le. L-impenn tal-karità jibqa’ l-prinċipju ta’ gwida għal dawn il-missjunarji. 

L-Arċisqof D’Souza poġġa wkoll girlanda tal-fjuri fuq l-istatwa ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta li tinsab fil-bitħa tal-Arċisqof. Proprju llum f’Kalkutta, il-Missjunarji tal-Karità bdew ċentru ġdid għat-tfal li jgħixu fit-triq li ma jistgħux imorru l-iskola. “Aħna noffrulhom banju, tibdil ta’ ħwejjeġ, tazza ħalib, gallettini u ngħallmuhom ipinġu u jiktbu,” spjegaw.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com