75 Sena Tal-Għaqda Nazzjonali Każini Tal-Banda

 75 Sena Tal-Għaqda Nazzjonali Każini Tal-Banda

Kien eżattament nhar is-16 ta’ Settembru 1947 meta fuq ħsieb ta’ Mikielanġ Delia twieldet The Malta Band Clubs’ Association ġewwa l-każin tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp tal-Ħamrun. L-għan ewlieni ta’ din l-għaqda, illum magħrufa bħala l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, kien dak li tgħaqqad il-baned kollha flimkien sabiex f’vuċi waħda jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom, kif ukoll isaħħu u jirregolaw it-tagħlim mużikali li jingħata fil-każini.

Ħamsa u sebgħin sena wara, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fakkret dan l-anniversarju fl-istess każin tal-banda fejn twieldet permezz ta’ quddiesa ta’ ringrazzjament mid-Direttur Spiritwali l-Kanonku Patri Michael Camilleri u warajha laqgħa għar-rappreżentanti tal-każini membri fejn ġew diskussi diversi temi attwali. Matul is-serata ġiet imnhedija strateġija ta’ immaġini ġdida li saret permezz ta’ proċess ta’ rebranding, kif ukoll ġiet inawgurata emblema ġdida għall-Għaqda: waħda iżjed kontemporanja li turi l-elementi mużikali mwaħħdin mas-salib ta’ Malta. Dan il-proġett sar permezz ta’ fondi miksuba mill-Kunsill Malti għall-Arti. Fl-istess waqt, diversi każini ġew preżentati b’hard-drive b’dokumenti u mużika antika li huma stess provdew ftit taż-żmien qabel f’proġett ta’ diġitazzjoni li sar mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, u li jippreserva l-wirt kulturali awtentiku Malti.

Matul id-diskorsi tal-okkażjoni, il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri saħaq fuq il-ħtieġa li l-każini tal-banda jkomplu jsiru iżjed rilevanti, anki fid-dawl ta’ diversi stħarriġ li wera li iżjed minn 60% tal-Maltin iqisu l-każini u l-festi bħala s-sors primarju kulturali ta’ pajjiżna. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali l-Onor Dr Owen Bonnici elenka d-diversi miżuri ta’ għajnuna li l-Gvern wettaq b’mod speċjali fix-xhur li għaddew biex jgħin lill-każini tal-banda speċjalment wara l-pandemija tal-Covid-19. Huwa wiegħed l-impenn sħiħ tal-Gvern biex ikompli jgħin lil dan is-settur tant importanti. Sadanittant, fid-diskors tal-għeluq, l-Eċċ Tagħha l-President Emeritus Dr Marie Louis Coleiro Preca rrimarkat il-bżonn li l-każini tal-banda jibqgħu magħquda u għalhekk jaħdmu mhux biss għall-komunità li jinsabu fiha iżda ukoll għal pajjiżna b’mod ġenerali.

Is-serata ntemmet permezz ta’ riċeviment tal-okkażjoni. Iċ-ċelebrazzjonijiet u l-inizjattivi varji ser ikomplu tul medda ta’ sena sħiħa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com