“L-Ewwel Pass Lejn Dħul Diċenti Għal Kulħadd” – Is-Segretarju Ġenerali Tal-GWU
A Proposal Towards the Definition and Estimates of the National Living Income in Malta 2022-tnedija ta’ studju dwar kemm għandu jkun id-dħul biex familji differenti jgħixu ħajja diċenti.
Dan l-istudju kien frott ta’ ħidma flimkien bejn il-General Workers’ Union, il-Moviment Graffitti u l-Alleanza Kontra l-Faqar.
L-istess studju stħarreġ id-dħul ta’ sitt kategoriji differenti ta’ familji f’Malta. Dan l-istudju għandu valur ta’ €90,000 li huwa kofinanzjat bi 80% minn Fondi Strutturali u l-20% l-oħra huma mħallsa mill-GWU.
Wara li kien inħareġ tender skont ir-regolamenti tal-procurement, ġiet magħżula l-kumpanija Re-Think Advisory Ltd biex twettaq din ir-riċerka li rat ukoll l-involviment ta’ soċjologu u ekonomista. Dan l-istudju ħa diversi xhur u fih ġew intervistati ‘l fuq minn 1,000 persuna filwaqt li saru diversi focus groups u anke intervisti oħra fuq bażi individwali. Fil-kummenti tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li: “ridna studju xjentifiku, li nagħtu definizzjoni ta’ x’inhi living income, għalxiex qed nirreferu u kemm se tiġi tiswa.”
Huwa fisser dan l-istudju bħala l-ewwel pass biex nersqu lejn dħul diċenti għal kulħadd. “Lgħan ewlieni tagħna kollha flimkien kien li nagħtu stampa reali ta’ x’jeħtieġ isir biex kull ċittadin f’Malta jkun jista’ jgħix ħajja diċenti u ma jaqax fir-riskju tal-faqar. Studju li se jitressaq quddiem l-MCESD lill-isħab soċjali kollha, lill-Gvern għal diskussjonijiet biex naraw fejn irridu mmorru u x’jista’ jagħmel il-pajjiż biex ngħinu lil xulxin għal ħajja diċenti għal kulħadd.”
Fi preżentazzjoni li għamel tal-istudju, Jake Azzopardi minn Re-Think Advisory Group stqarr li meta nitkellmu fuq living income ma nkunux qed nirreferu għal dak l-ammont ta’ dħul kemm tkampa, li f’każ ta’ eventwalita l-familja tgħix f’faqar assolut.
“Irridu li nitkellmu fuq ammont li minnu ‘l fuq il-familja jkollha l-fakultà tipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà tagħna, li tgħix ħajja adegwata, li mhux biss tkopri dak li huwa essenzjali,” qal Azzopardi.
Huwa spjega li f’din ir-riċerka ttieħed konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi fosthom is-saħħa, l-ikel u x-xorb, housing, l-edukazzjoni, trasport u rikreazzjoni fost affarijiet oħra.
Listudju stabbilixxa li lliving income nazzjonali għandu jkun ta’ madwar €14,864 għal persuna waħedha bla tfal, €20,099 għal ġenitur waħdu b’wild wieħed, €26,018 għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal, €21,316 għal koppja bla tfal, €25,746 għal żewġ ġenituri b’wild wieħed u €30,734 għal żewġ ġenituri b’żewġt itfal.