Jitlesta X-Xogħol Ta’ Rinnovar Fuq Il-Pont Ta’ Gomorino

 Jitlesta X-Xogħol Ta’ Rinnovar Fuq Il-Pont Ta’ Gomorino

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi inawgura x-xogħol ta’ rinnovar li sar fuq il-Pont ta’ Gomorino li jgħaqqad l-Imtarfa mal-Imdina. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €600,000.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ proġetti ta’ dan it-tip, irridu nkomplu nagħtu dehra ġdida lill-aktar opri arkitettoniċi ta’ pajjiżna biex jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri. Il-ministru kompla jgħid li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed ikompli jkun ta’ servizz u qed iwettaq ħidma siewja f’żoni differenti madwar Malta u Għawdex, hekk kif ix-xogħlijiet saru mid-dipartiment imsemmi. “Dan huwa frott ta’ pjanar, ta’ viżjoni u fuq kollox ta’ investiment ta’ fondi pubbliċi għal kwalità ta’ ħajja aħjar,” sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Ix-xogħlijiet li saru jinkludu t-tisħiħ tat-truf tal-parapett fejn tneħħa l-ħajt li kien hemm qabel, kif ukoll sar railing tal-ħadid adegwat biex tiżdied is-sigurtà filwaqt li xorta waħda tkun tista’ titgawda l-veduta. Minbarra t-triq saret ukoll bankina ġdida biex tintuża minn dawk li jħobbu jmorru jimxu f’din iż-żona. Is-servizzi eżistenti ġew mgħoddija minn taħt l-istess bankina filwaqt li saret sistema ta’ dawl moderna u aktar effiċjenti.

Dan il-pont kien sar fl-1900 bħala parti mill-estensjoni għal-linja tal-ferrovija li kienet taħdem fi żmien l-Ingliżi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com