Peter Agius Iħabbar L-Interess Tiegħu Li Jkun Kandidat Fl-Elezzjonijiet Ewropej Ta’ Mejju 2024

 Peter Agius Iħabbar L-Interess Tiegħu Li Jkun Kandidat Fl-Elezzjonijiet Ewropej Ta’ Mejju 2024

L-Uffiċjal tal-Parlament Ewropew u Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Peter Agius illum ħabbar l-interess tiegħu li jkun kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin f’Mejju 2024.

Peter Agius huwa Uffiċjal għoli tal-Unjoni Ewropea. Kien il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Speechwriter tal-President Tajani u kandidat tal-PN fl-2019 fejn kiseb qrib 11,000 vot fl-ewwel għadd f’kampanja ffukata fuq kwistjonijiet ta’ kuljum għal kulħadd.

L-impenn politiku ta’ Peter Agius kompla wara dik l-elezzjoni. Huwa kien partikolarment attiv f’inizjattivi għall-protezzjoni tal-konsumatur, fondi Ewropej, opportunitajiet għaż-żgħażagħ, Għawdex, it-trasport lejn u minn Malta, u l-produzzjoni tal-ikel.

Peter Agius inħatar ukoll bħala rappreżentant tal-PN fil-Partit Popolari Ewropew fl-2000 u mbagħad bħala Kelliem tal-PN is-sena l-oħra.

Fi stqarrija li tħabbar is-sottomissjoni tiegħu bħala kandidat għall-Partit Nazzjonalista, Peter Agius saħaq fuq l-importanza ta’ rappreżentanza msaħħa fl-Ewropa “Biex naħsdu l-frott tal-Ewropa, pajjiżna jeħtieġ rappreżentanza msaħħa ta’ MEPs li b’konvinzjoni u b’kompetenza jiddefendu u jippromwovu l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan qed ngħidu għax naraħ kuljum, f’xogħoli fl-Istituzzjonijiet Ewropej u kull meta nżur ħaddiema u negozji f’Malta fejn nara l-bżonnijiet tan-nies u tas-setturi differenti.’

Agius jemfasizza l-bżonn li Malta tadatta l-liġijiet Ewropej għall-bżonnijiet partikolari tal-Maltin: “Daqt ngħalqu 20 sena membri ta’ l-Unjoni Ewropea. F’dan iż-żmien l-Ewropa inbidlet ħafna u qed tkompli tinbidel kuljum. Taxxi Ewropej u policies ‘one size fits all’ huma biss uħud mill-isfidi li rridu naffrontaw kuljum biex l-Ewropa li vvutajna għaliha tibqa’ taqblilna.”

“Matul dawn l-aħħar snin wettaqt dak li wgħedt bħala kandidat għal MEP fl-aħħar elezzjoni Ewropea. Għamilt pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea b’riżultati konkreti għall-konsumaturi Maltin, bil-waqfien tal-projbizzjoni tal-esportazzjoni tal-qmuħ mill-Ungerija. Bqajt nisħaq fuq il-kwistjoni tal-produzzjoni tal-ikel Malti, b’riżultati konkreti għas-sajjieda u l-bdiewa minkejja li l-awtoritajiet Maltin messhom jagħmlu ħafna aktar. Stinkajt biex inkomplu nestendu l-benefiċċji tas-sħubija fl-UE għall-istudenti, għall-ħaddiema u għall-komunità tan-negozju tagħna,” qal Peter Agius.

“Filwaqt li għamilt il-parti tiegħi fil-politika, għent ukoll b’mod prattiku lil dawk kollha li għamlu kuntatt miegħi, minn applikazzjonijiet għal fondi mill-UE, sa għajnuna għal traineeships u impjiegi, sa diversi każijiet soċjali. Nemmen li l-ebda politiku m’għandu jiċħad talba għall-għajnuna; il-politika wara kollox hija għażla għas-servizz lil ħutna Maltin u Għawdxin kollha,” qal Peter Agius.

Din il-ġimgħa l-attenzjoni ddur fuq il-protesta nazzjonali organizzata għada mill-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta. Il-poplu tagħna mxebba bl-istatus quo ta’ politika dejjem bl-istess forma u bl-istess battibekki qal Peter Agius. “L-inizjattiva tal-PN li nuru r-rabja tagħna fi protesta nazzjonali hija pass ‘il quddiem. Jien ser inkun hemm man-nies fil-Belt. Jeħtieġ nużaw l-enerġija tagħna b’mod għaqli biex inġibu bidliet konkreti. L-elezzjonijiet tal-MEPs u tal-Kunsilli lokali li ġejjin ituna okkazjoni għal dan. Jiena ser nagħmel ħilti kollha biex inwassal il-vuċi tal-bidla b’ħila u b’ħeġġa ġdida,” ikkonkluda Agius.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com