Bernard Grech Jindirizza Protesta Fil-Belt Valletta

 Bernard Grech Jindirizza Protesta Fil-Belt Valletta

Illum wara nofsinhar, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, indirizza protesta fil-Belt Valletta kontra s-serq fil-kwalità tal-ħajja. F’din il-protesta, Grech tkellem dwar dawk li ddeskriva bħala nuqqasijiet min-naħa tal-Gvern Laburista. Huwa qal li l-Gvern qed jonqos lill-poplu fuq diversi aspetti, fosthom fl-għoli tal-ħajja, fis-saħħa u anke fl-edukazzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li bħalissa teżisti sitwazzjoni fejn in-nies m’humiex qed ilaħħqu mal-ħajja u sostna li kollox qed jogħla minn xahar għal xahar. Huwa qal li anke lilhinn mill-aspett finanzjarju, is-sitwazzjoni qed tmur lura f’dik li hi s-sistema tas-saħħa, fejn fi kliemu bosta operazzjonijiet qed jaqgħu lura x-xhur. Dwar il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma qal li eluf ta’ Maltin qed jinsterqu ta’ kuljum u sostna li dan ikkonfermatu wkoll il-Qorti u l-Awditur Ġenerali. Bernard Grech qal li Gvern Laburista kerrah u ħammeġ lil Malta u li kawża ta’ dan ħafna żgħażagħ qed iħallu lil Malta sabiex imorru jgħixu barra.

It-tixħim tal-Gvern

Huwa qal li dan il-Gvern innormalizza t-tixħim u qal li anke l-proġett tal-Junction tal-Marsa għandu tebgħa fuqu u li issa kull proġett li se jkun qed jagħmel il-Gvern se jkollu fuqu suspett serju ta’ tixħim u korruzzjoni. Dr Grech qal li dwar dawn il-kuntratti, b’mod ripetut kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll l-Avukat Ġenerali ma ħadu ebda azzjoni u qal li l-Kummissarju tal-Pulizija qed jaħrab mir-responsabilità tiegħu u mhuwiex jaqdi dmiru.

Dwar il-Prim Ministru fi New York

Tkellem dwar l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fejn qal li l-Prim Ministru tela’ jberbaq ‘l flus sabiex ikun jista’ jieħu ritratt mal-President Amerikan.

Huwa qal li l-Prim Ministru huwa maqtugħ mir-realtajiet tan-nies u li quddiem l-isfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż huwa dgħajjef. Il-Kap tal-PN żied li bħalissa l-pajjiż għandu dejn kbir u fi kliemu l-maġġoranza ta’ dawn il-flus tberbqu sabiex inxtraw il-voti fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Irrefera wkoll għall-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern dwar il-ġurnaliżmu u qal li dan l-abbozz se jkun qed jagħlaq ħalq il-ġurnalist minflok li jipproteġih. Tkellem dwar l-imwiet mill-inċidenti tat-traffiku li qal qed jiżdiedu u fakkar kif il-Gvern inqabad joħroġ liċenzji lil persuni li mhumiex kwalifikati sabiex isuqu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni temm jgħid li l-Gvern m’huwiex kapaċi jkabbar l-ekonomija b’setturi ġodda iżda minflok qed jimporta lil barranin sabiex jaħdmu f’Malta b’dannu kemm għall-istess ħaddiema barranin u anke għall-Maltin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com