Il-WasteServ B’Rati Ġodda Għall-Operaturi Kummerċjali

 Il-WasteServ B’Rati Ġodda Għall-Operaturi Kummerċjali

Il-WasteServ ħabbret rati ġodda għall-mizati li jridu jħallsu l-operaturi kummerċjali li se jibqgħu jħalltu l-iskart minflok jissepparawh.

Ir-rati tal-iskart riċiklabbli u organiku se jibqgħu l-istess. L-iskart imħallat mis-sena d-dieħla se jibda jiżdied kull sena b’€20 kull tunnellata sakemm jilħaq rata ta’ €120 għal kull tunnellata. Ir-rati għal skart ieħor li jinkludi fost oħrajn saqqijiet, gablo, tyres, ħġieġ u skart elettroniku se jiżdiedu skont l-ispejjeż li tħallas Il-WasteServ biex tittratta dan it-tip ta’ skart.

Waqt li spjega r-rati l-ġodda, il-Kap Eżekuttiv, Richard Bilocca, qal li s-servizzi għan-nies fosthom il-ġbir bieb bieb tal-iskart u ċ-ċentri tal-iskart goff se jibqgħu b’xejn. Hu spjega li ż-żieda f’dawn ir-rati mhix maħsuba biex tiġġenera qligħ għall-kumpanija iżda biex il-pajjiż jagħmel il-qalba ambjentali u l-miżbliet jispiċċaw għalkollox. Spjega li bir-rati eżistenti, il-WasteServ qed tittratta l-iskart imħallat b’telf.

Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li l-pass li jmiss hu li s-separazzjoni tal-iskart isir obbligatorja għal kulhaddd. Il-Ministru Dalli qalet li dawn il-miżuri jagħmlu parti mill-istrategija ambjentali tal-pajjiż.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com