Imnedija Festa Ikel Malti 2022

 Imnedija Festa Ikel Malti 2022

Fis-16 ta’ Ottubru kull sena, l-Organizzazzjoni tal-Agrikoltura u l-Ikel fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti (NU) tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ikel. Din iċ-ċelebrazzjoni hija azzjoni kollettiva li jipparteċipaw fiha 150 pajjiż madwar id-dinja, li tagħmel il-Jum Dinji tal-Ikel waħda mill-aktar ġranet iċċelebrati tal-kalendarju tan-NU.

Din is-sena l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u l-Malta Food Agency organizzaw Festa Ikel Malti, nhar il-Ħadd 16 ta’ Ottubru mid-9:00 ta’ filgħodu ’l quddiem fil-Pitkalija, sabiex jiġi ċċelebrat dan il-jum. Il-pubbliku ser ikun jista’ jżur il-Pitkalija, jixtri prodotti u jieħu sehem f’attivitajiet tematiċi relatati mal-kunċett ‘Leave no one behind’.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tkellem dwar l-importanza li nassiguraw il-provvista tal-ikel f’pajjiżna. Spjega li l-messaġġ wara t-tema tal-Jum Dinji tal-Ikel għal din is-sena huwa ta’ prijorità għall-gvern. Il-Ministru Refalo qal ukoll li l-gvern qed jaħdem bla waqfien sabiex jiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-produzzjoni tal-ikel.

“Pass ferm importanti li qed nieħdu bħala gvern huwa dak tar-riforma fil-qbiela tar-raba’, riforma msejsa fuq 3 binarji, is-sostenibbiltà tas-settur agrikolu, il-protezzjoni tal-art rurali u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel.”

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said fakkret li, “Skont l-aħħar statistika globali, kważi 40% tal-popolazzjoni dinjija m’għandhiex aċċess regolari għal ikel nutrijenti u bżonjuż. F’Malta, l-aċċess għal ikel ta’ kwalità lokali jibqa’ possibbli biss jekk nagħtu s-sostenn neċessarju kollu lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda tagħna”.

Ikkonkludiet li, “Din l-attività f’Ta’ Qali ser tagħti messaġġ b’saħħtu kemm lis-settur privat, lill-aġenziji pubbliċi involuti kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, li huwa biss flimkien u b’ħidma kollettiva li nilqgħu għall-isfidi filwaqt li nassiguraw futur sabiħ għal pajjiżna”.

Il-pubbliku huwa mistieden sabiex nhar il-Ħadd 16 ta’ Ottubru jiċċelebra l-Jum Dinji tal-Ikel waqt Festa Ikel Malti, fil-Pitkalija, mid-9:00 ta’ filgħodu sas-6:00 ta’ filgħaxija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com