Diskussi F’Għawdex Drittijiet Speċifiċi Ta’ Persuni B’Diżabilità

 Diskussi F’Għawdex Drittijiet Speċifiċi Ta’ Persuni B’Diżabilità

Tliet drittijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabilità li joħorġu mill-Konvenzjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità ġew diskussi waqt attività f’Għawdex organizzata mill-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet għal Persuni b’Diżabilità (MFOPD). L-attività, Gozo Round Table Conference, hija parti minn programm ta’ attivitajiet li jfakkru l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-MFOPD. Id-drittijiet speċifiċi trattati waqt il-konferenza kienu d-dritt li tgħix indipendenti u tkun inkluż fil-komunità (Artiklu 19); id-dritt għall-edukazzjoni (Artiklu 24) u d-dritt għax-xogħol u impjieg (Artiklu 27).

Il-konferenza kienet indirizzata fost l-oħrajn mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli li għamlet id-diskors tal-għeluq. Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-ħidma fuq id-drittijiet ilha għaddejja sentejn u kienet tinkludi diskussjonijiet mal-MFOPD u mal-membri tagħha biex issa għandna bażi b’saħħitha għal dawn id-drittijiet partikolarment permezz tal-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. “Rajna wkoll li jkun hemm element prattiku għad-drittijiet li ngħataw is-saħħa tal-liġi. Dan sar permezz tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li ġiet adottata s-sena li għaddiet”, qalet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-Ministru Farrugia Portelli siltet punti mill-istrateġija li jelenkaw kif se jkunu jistgħu jitgawdew id-drittijiet li ġew diskussi waqt il-konferenza. Hija temmet tgħid li fl-ispirtu kemm tal-istrateġija kif ukoll tal-konvenzjoni, huwa importanti li, bħalma sar permezz tal-konferenza, jitkattar l-għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità. Saħqet li mbagħad huwa aktar importanti li lkoll niġbdu ħabel wieħed sabiex id-drittijiet ma jibqgħux biss fuq il-karta imma jsiru parti mir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum għall-persuni b’diżabilità kollha.

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet li dan il-gvern jemmen bis-sħiħ fil-persuni b’diżabilità, u li l-persuni b’diżabilità għandhom jingħataw l-għodda kollha neċessarja sabiex ikollhom ħajja independenti fil-komunità. “Dan il-budget se jkun qed jibgħat messaġġ b’saħħtu favur il-Personal Assistant. Permezz ta’ dan il-kunċett aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità”.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li qal li s-settur tal-persuni b’diżabilità kien, għadu u jibqà f’qalb dan il-gvern, u matul l-aħħar snin, dawn il-persuni bbenefikaw minn għadd ta’ inizjattivi, u f’Għawdex mhux b’inqas, fejn qed isir investiment għaqli f’dan is-settur. “Irridu ninvestu aktar biex kull persuna tkun tassew inkluża fis-soċjetà u wliedna jkunu verament inklużi”. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kkonkluda li dan il-gvern jemmen tassew li persuni b’diżabilità m’għandhomx jitħallew jaqgħu lura u bħala soċjetà għandna nsostnu aktar il-qasam tad-diżabilità u l-inklużjoni sħiħa.

Id-diskors tal-ftuħ tal-konferenza sar mill-President tal-MFOPD Marthese Mugliette. Hija qalet li l-intenzjoni ta’ din l-attività hija biex ikun hemm aktar għarfien tal-konvenzjoni u biex tkun punt ta’ djalogu bejn diversi persuni ġejjin minn diversi postijiet f’Malta u f’Għawdex.

Ritratti (MIVC/MGOZ)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com