Laqgħa Bilaterali Bejn Il-President Ta’ Malta U L-President Tal-Greċja

 Laqgħa Bilaterali Bejn Il-President Ta’ Malta U L-President Tal-Greċja

L-impenji tal-President George Vella b’rabta mal-laqgħa tal-Arraiolos Malta komplew dalgħodu hekk kif laqa’ lill-President Katerina Sakellaropoulou tal-Greċja.

Iż-żewġ presidenti għaddew il-punti ewlenin tal-kwistjonijiet diskussi matul il-laqgħat tal-plenarja tal-Arraiolos, u ffukaw b’mod partikolari fuq il-migrazzjoni fil-Mediterran. It-tnejn saħqu dwar il-bżonn li jinstab bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà. Il-President Griega rreferiet għat-traġedja li seħħet fil-ġurnata ta’ qabel fejn għerqu xi migranti ’l barra mill-gżejjer ta’ Lesbos u Kythira.

Sar riferiment ukoll għall-aħħar żviluppi fir-rigward tal-fruntieri fil-Lvant tal-Mediterran fejn il-President Vella qal li l-liġi internazzjonali hija l-uniku mezz vijabbli li jsolvi tali tilwim. L-instabbiltà prevalenti fil-Libja ġiet diskussa wkoll fil-kuntest tat-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari li toriġina mill-Afrika sub-Saħarjana, bi tranżitu fis-Saħel, fejn il-punti finali tat-tluq bil-baħar ikunu l-kosta Libjana.

Matul il-ġurnata tal-lum ser ikun hemm laqgħat bilaterali oħra mal-kapijiet ta’ stat li qegħdin iżuru pajjiżna, u matulhom il-President Vella ser ikun akkumpanjat mill-Aġent Ministru għall-Affarijiet Barranin Owen Bonnici.

 Ritratti: OPR, DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com