Bil-Filmat: Kannierja Li Kienet Tintuża Sas-Snin 70 Se Tinfetaħ Għall-Pubbliku

 Bil-Filmat: Kannierja Li Kienet Tintuża Sas-Snin 70 Se Tinfetaħ Għall-Pubbliku

Taħt is-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat insibu kannierja li fiha sa mis-seklu 17 kienu jindifnu l-membri Fratelli u Konsorelli tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Din l-użanża baqgħet sas-snin 70 meta twaqqaf id-dfin fil-knejjes. Iżda mill-bidu tal-Millenju ngħata l-permess li jiġu trasportati l-fdalijiet wara li dawn ikunu ndifnu fiċ-ċimiterju.

Għalhekk wara li reġgħet bdiet tintuża saret ħidma biex tinżamm fi stat xieraq b’rispett lejn ħutna li ħallewna. L-ewwel ma sar kien li tqaxxru l-ħitan miż-żebgħa u tħallew fuq il-ġebla. Fil-kannierja nsibu żewġ artali tal-ġebel dan għaliex din il-kannierja tħaffret f’żewġ perjodi differenti.

L-ewwel kamra tħaffret fl-1670 meta nbniet mill-ġdid il-kappella ta’ San Ġużepp li tinsab fuqha.

Hawnhekk insibu xbieha tal-ġebel ta’ San Ġużepp imtella’ l-Erwieħ mill-Purgatorju. Insibu wkoll l-ossarju tal-qassisin. It-tieni parti testendi taħt l-Oratorju, illum is-Santwarju ta’ San Ġużepp, li tħaffret fl-1839, kif tixhed id-data taħt l-isprall li jagħti għall-istess Santwarju. Hawnhekk insibu artal ieħor bi statwa talġebel ta’ San Ġużepp bil-Bambin.

Matul l-aħħar xhur sar xogħol kbir biex tkompli tissebbaħ il-kannierja. Inħadmu żewġ settijiet ta’ gandlieri tal-injam bis-Salib, żewġ settijiet karti Glorja, żewġ ventartali, żewġ trieħi u dvalji. Inħadem kanċell għal fuq l-ossarju, tranġaw sett brazzi tal-ħadid għal mal-ħajt, erba’ gandlieri tal-ħadid għal maġenb l-artali, sett ta’ 24 globu biex jinxtegħlu fuq l-oqbra, kif ukoll sar xogħol fuq is-sistema tad-dawl biex ikun aktar addattat, inħietet ukoll pjaneta kompluta b’kollox. nhar it-Nhar it-Tnejn 7 ta’ Novembru, fejn fis-6:00pm ser issir quddiesa fl-istess kannierja għal ruħ dawk midfuna hemmhekk. Imbagħad nhar l-Erbgħa 9 ta’ Novembru ser issir quddiesa oħra fis-Santwarju ta’ San Ġużepp Inkurunat fil-Knisja Ta’ Ġieżu, b’suffraġju għall-Erwieħ membri tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp, Għaqda Mużikali L’Isle Adam u Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu. Wara li tintemm il-quddiesa ssir purċissjoni mis-Santwarju salkannierja fejn isir it-tberik tal-oqbra.

L-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tavża li nhar is-Sibt 29 t’Ottubru mill-5pm sas-7pm u l-Ħadd 30 t’Ottubru 2022 mis-7am sa nofsinhar, ser tinfetaħ il-kannierja ta’ taħt is-Santwarju, biex wieħed ikun jista’ jara x-xogħol kbir li sar biex jissebbaħ dan il-post, fejn jinsabu midfuna l-fdalijiet ta’ ħutna l-Fratelli u l-Konsorelli. Il-Kannierja tinfetaħ għall-qraba tal-membri midfuna matul ix-xahar kollu ta’ Novembru 2022.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com