“L-Istabbiltà Li Noffru Twassalna Biex Mhux Biss Nimmiraw Li Nkunu Attraenti Għall-Investituri Iżda Nibqgħu Attraenti” – Il-PM Robert Abela F’konferenza Ta’ Ernst & Young
Fil-ftuħ ta’ konferenza ta’ Ernst & Young bit-tema “Malta Future Realised”, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta ġej frott stabbiltà li joffri l-gvern biex jibni prosperità ġdida għall-intrapriżi u l-familji. “Irridu nimmiraw mhux biss li nkunu attraenti għall-investituri iżda Malta trid tħares li tibqa’ attraenti għall-investiment dirett barrani”, saħaq il-prim ministru hu u jinnota r-riżultati ta’ studju li ġie ppreżentat fil-konferenza li wera żieda fl-interess tal-investituri barranin f’pajjiżna.
Dr Abela qal li studju bħal tal-EY huwa importanti għal gvern li jfassal politika li biha jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku u spjega kif punti saljenti li joħorġu mill-istudju huma riflessi wkoll minn studji uffiċjali li jsiru minn żmien għal żmien. Fil-fatt skont l-istudju ta’ EY, il-proporzjon ta’ investituri barranin li jara li jkun f’pajjiżna daqs għaxar snin oħra, huwa seba’ darbiet aktar minn dak li jara li ma jkunux f’pajjiżna. Dan huwa wkoll żieda mill-ħames darbiet aktar reġistrati fl-istudju tas-sena l-oħra. Punt notevoli ieħor hu l-fatt li skont dan l-istudju, dawk li jixtiequ jespandu f’Malta telgħu għal kważi nofs dawk li ħadu sehem f’dan l-istudju. Dan b’żieda minn terz ta’ dawk intervistati s-sena l-oħra.
Quddiem dawn ir-riżultati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq medda ta’ tnax-il xahar, l-investiment dirett barrani li għandu x’jaqsam max-xjenza, remote gaming u l-komunikazzjoni fost oħrajn, żdied bi kważi kwart ta’ biljun ewro. “Dan ifisser li għall-ewwel darba, l-assi barrannin fis-settur diġitali laħqu l-biljun ewro”, qal il-Prim Ministru hu u jirrijafferma l-impenn tal-gvern li jiddiġitalizza l-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest, il-prim ministru qal li l-pandemija għallmitna iżjed minn qatt qabel, il-ħtieġa tad- diġitalizzazzjoni u dan illum huwa importanti għall-miri ta’ pajjiżna biex ikollna ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Il-prim ministru saħaq ukoll li l-kriżi fil-qasam tal-enerġija li laqtet l-Ewropa riżultat ta’ gwerra wriet aktar kemm huwa importanti li nkunu sostenibbli u kapaċi nsostnu lilna nfusna fil-provvista tal-enerġija. Qal li hemm l-aspett ambjentali imma anki dak ekonomiku huwa importanti u għalhekk irridu nħarsu iżjed lejn il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-prim ministru indirizza lill-imprendituri preżenti fil-konferenza u spjega kif waqt sfidi internazzjonali bħall-pandemija, Malta żammet il-produttività ekonomika b’settur tax-xogħol b’saħħtu. F’dan l-isfond, il-prim ministru qal li issa l-Gvern Malti qed jerġa’ jagħti stabbiltà billi qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ma jitfax il-piżijiet fuq in-negozji u l-familji. Dan apparti li kiseb derogi li ma jolqtux il-produttività f’pajjiżna u l-intrapriżi jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ ċar li jrid jara ġejjieni għal Malta mibni fuq sisien sodi mnebbaħ mill-valuri soċjali iżda wkoll li jimraħ u jirriforma u jħares l-aspetti ambjentali u tas-sostenibbiltà.
Ritratt: OPM