Id-Dramm Kull Ġieħ U Glorja Lura Fuq Il-Palk Wara 22 Sena
L-istorja ta’ Kull Ġieħ u Glorja sseħħ f’żewġ lokalitajiet u f’żewġ żminijiet differenti. Il-personaġġi ta’ din l-istorja huma kollha fil-qasam reliġjuż – is-sorijiet tal-klawsura li ħajjithom iddur ma’ dak li kif jgħidu huma stess “dak li jipposjedi lil qlubna” u t-tmexxija ekkleżjastika tal-affarijiet straordinarji tal-Vatikan.
Malta. F’kunvent tas-sorijiet tal-klawsura, tal-Ulied Foqra tal-Qalb ta’ Marija fil-bidu tas-snin sebgħin. F’dan il-kjostru enormi li jesa’ ‘il fuq minn mitejn soru, issa baqa’ biss tlett sorijiet. Madre Marija Liliana, Swor Maria Anna u Swor Maria Lorenzina, t-tlieta mdaħlin fiż-żmien. Ħajjithom issa kienet saret diffiċli, bejn in-nuqqas ta’ saħħa u bejn li n-nuqqas ta’ sorijiet, quddiemhom tfaċċaw ħafna problemi li ma’ setgħux jiġu evitati. Madanakollu, id-Djoċesi Maltija ta’ dak iż-żmien ma’ setgħatx tħalli dan il-kjostru miftuħ, għalhekk kien intbgħat, Dun Giovanni Zammit biex jgħarraf lill-Madre dwar id-deċiżjoni li ttieħdet. Deċiżjoni li ma’ kinitx riversibli .. dik li jingħalaq għal kollox dan il-kjostru. Swor Marija Liljana pruvat minn kollox biex iddawwar din id-deċiżjoni, iżda l-perseveranza ta’ Dun Giovanni Zammit, saċerdot żagħżugħ b’ambizzjonijiet kbar, ma’ ta l-ebda tama lill-Madre biex din il-klawsura tibqa’ miftuħa.
Ruma, il-Vatikan. Tletin sena wara, fl-uffiċju tal-Kardinal Rubini, fil-Vatikan kien hemm stennija għall-Arċisqof Malti Dun Giovanni Zammit li ngħata l-parir li jmur Ruma, wara li bagħat fax, fuq każ ta’ mirakli, li kienu qed isiru bl-interċessjoni ta’ soru midfuna fil-klawsura tal-Ulied Foqra tal-Qalb ta’ Marija. Il-mezzi tal-komunikazzjoni kienet qed taffettwa d-Djoċesi u l-poplu beda jinġabar madwar il-monasteru fejn kienet midfuna din is-soru. Waqt li jkun qiegħed jirrankonta l-istorja ta’ din il-Madre nindunaw, li kien propju hu, l-Monsinjur Giovanni Zammit li kien ta l-ordni li jagħlaq dan il-monasteru.
Minn dak il-jum, li fih iż-żagħżugħ Giovanni Zammit ta l-aħbar lill-Madre Liljana fuq l-għeluq tal-kjostu, il-ħsieb tagħha kien biss biex tibqa’ hemm ġew sal-aħħar nifs ta’ ħajjithom, hekk kif kienu wegħdu meta daħlu fih tant snin qabel.
Issa li kien l-Arċisqof ta’ Malta, Giovanni Zammit, sab ruħu quddiem il-Kardinal Paolo Rubini, il-Kap tas-Segretarjat tal-Affarijiet Ekkleżjastiċi Straordinarji tal-Vatikan, fejn kellu jirrakkonta dak il-jum li mar lura fil-kjostru jkellem lill-Madre, u quddiemu ra dak li kellu jtaqqallu qalbu għal aktar minn tletin sena sħaħ.
Kull Ġieħ u Glorja huwa dramm fuq kitba ta’ Joseph Vella Bondin u fuq direzzjoni ta’ Tanya Agius Borg. Fl-1999, dan id-dramm rebaħ l-ewwel premju fir-IV Edizzjoni Konkors Kitba għall-Palk Francis Ebejer organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura fil-Ministeru tal-Edukazzjoni ta’ Malta u nħadem l-ewwel darba fit-Teatru Manoel fit-13 ta’ Ottubru 2000.
F’Novembru li ġej, tnejn u għoxrin sena wara, dan id-dramm se jerġa jittella’, din id-darba fit-Teatru Metanoia f’Ħal Luqa (magħruf ukoll ta’ Skene), nhar is-Sibt 5 u l-Ħadd 6 ta’ Novembru.
Jieħdu sehem f’dan il-kapolavur teatrali l-atturi Rita Camilleri, Shawn Ciantar, Silvio Axisa, John Suda, Ryan Mark DeBattista, Maria Spiteri u Marie-Clare Sammut, fuq produzzjoni ta’ SEVEN8 Creative Troupe. Dan id-dramm se jsir b’risq ALSMalta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista jċempel fuq 99406792 jew 99096677.