Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li nstab akkużat bil-qtil involontarju
Joseph Cortis ta’ 79 sena minn Ħad-Dingli tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil involontarju ta’ Marie Claire Lombardi.
Marie Claire Lombardi, ta’ 45 sena, mietet fit-22 ta’ Ottubru 2022 wara li skiddjat bil-mutur tagħha u baqgħet dieħla ġo centre strip fi Triq l-Imdina, ir-Rabat.
Cortis ġie akkużat li kien il-bniedem li ħalla materjal li jiżloq fit-triq li wassal għall-mewt ta’ Marie Claire Lombardi.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni qalet li kien ilu bil-police bail minn Diċembru li għadda, u dejjem resaq ’il quddiem meta l-Pulizija bagħtu għalih.
Għaldaqstant huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma l-għassa tar-Rabat tliet darbiet fil-ġimgħa u b’garanzija personali ta’ €50,000.