“Ommi sabet bomba taħt il-karozza” – Stephanie Abood

 “Ommi sabet bomba taħt il-karozza” – Stephanie Abood

43 sena ilu, xi ħadd li sal-lum il-ġurnata għadu mhux magħruf, poġġa bomba taħt il-karozza tal-familja ta’ Stephanie Abood.

Stephanie Abood taqsam magħna din il-ġrajja u tispjega kif ommha kienet sejra tixtri l-ħobż għall-iskola u sabet pakkett suspettuż taħt il-karozza. Tgħid li “hi u ħierġa mid-drive in, il-mamà ħasset xi ħaġa taħt il-karozza, waqfet u sabet qisu pakkett li minnu kien hemm wajer ħiereġ.” Tistqarr li ommha ma għaddilhiex il-ħsieb li kienet bomba u poġġiet il-pakkett fil-ġenb tad-drive-in, marret tixtri l-ħobż u ġiet lura.

L-istorja tkompli u tispjega kif meta ġiet lura “missieri xamm xi ħaġa u daħħal il-pakkett fil-bitha biex ma jmurx jgħaddi xi tifel u jixxuttjah.” Tirrakkonta li “kif inżilna fil-kċina biex nippreparaw għall-iskola, ħija, li huwa daqsxejn ikbar minni, qalilhom li hi bomba minħabba li kien hemm wajer.”

Tiddeskrivi kif il-pulizija għadu jsaqsu lill-ġenituri tagħha ħafna mistoqsijiet u wara ħadu l-pakkett għall-inkjesta biex jeżaminawh u wara rriżulta li l-bomba kienet ġo bott tal-Milo mimli ġelatina. Tispjega li “Bambin ħabbna tassew dakinhar għax il-karozza kienet mimlija petrol u ta’ ħdejna, li tiġi z-zija tagħna, kellha ċ-ċilindri fil-garaxx.”

Stephanie tistqarr li “sal-lum għadna ma nafux min hu u qatt ma smajna xejn imma naħfirlu bla ebda kundizzjoni. Għalkemm ħfirnielu, nixtieq inku naf min u għaliex. Jalla ssib il-paċi ħabib għax l-azzjoni min jagħmilha mhux min jirċeviha.”

Tispjega li “missieri kien jaħdem il-Malta Dry Docks fejn hemm kien il-maniġer tar-Riżorsi Umani u wieħed mix-xogħlijiet tiegħu kien li jmur jiċċekkja n-nies li jkunu fuq sick leave u aħna qed nissuspettaw li minħabba f’hekk.” Tispjega wkoll li bħala familja kienu suġġetti għal ħafna azzjonijet oħra, fosthom theddid u anke ittri anonimi. Ittemm tgħid li “ma ninsewha qatt u minkejja li jiena kont għadni daqsxejn ta’ tifla, għadni niftakarha qisha ġrat ilbieraħ.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com