Imnedija Strateġija għar-Riforma tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali għas-snin 2023-2026 ​

Il-Gvern nieda l-istrateġija li se twassal għall-implimentazzjoni ta’ riforma sħiħa fl-operat u l-istrutturi fi ħdan id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, bejn l-2023 u l-2026. It-tnedija saret mill-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
 
Wara konsultazzjoni wiesgħa li saret ma’ attivisti, ċittadini u anke uffiċjali minn ħdan id-Direttorat stess, ġie żviluppat dan id-dokument b’dawn il-prinċipji:
 
  • Introduzzjoni ta’ sistema ċentrali biex tinkiseb u tiġi aċċessata l-informazzjoni kollha relatata mal-ħidma tad-Direttorat: Dan ser iwassal biex il-proċeduri interni tad-Direttorat jiġu aġġornati, bil-għan li jkun hemm ġabra ta’ informazzjoni iktar effiċjenti għall-uffiċjali pubbliċi u għall-pubbliku;
 
  • Investiment fl-infrastruttura għall-użu tad-Direttorat: L-istrateġija ser tindika l-bżonnijiet infrastrutturali eżistenti, fost dawn, faċilitajiet ta’ clinics ġodda, tisħiħ tas-servizz ta’ ambulanza għall-annimali, kif ukoll aktar spazji fejn jinżammu l-annimali abbandunati;
 
  • Tisħiħ tal-kapital uman: L-istrateġija ser tassigura li l-uffiċjali fi ħdan id-Direttorat ikunu mħarrġa, u mogħtija r-riżorsi kollha meħtieġa biex jaqdu l-obbligi preżenti, kif ukoll dawk addizzjonali fil-futur;
 
  • Trasformazzjoni diġitali: Ir-riforma fid-Direttorat qegħda bbażata fuq l-użu tal-aħħar għodod teknoloġiċi, bil-għan li tassigura l-effiċjenza u l-effettività tad-Direttorat, kemm internament kif ukoll mal-pubbliku;
 
  • Introduzzjoni ta’ proċeduri standard fl-operat tal-uffiċjali: Id-Direttorat ser jaħdem biex jiġu mnedija numru ta’ standard operating procedures uffiċjali, li sejrin jassiguraw konsistenza kif ukoll trasparenza fl-obbligi tal-uffiċjali;
 
  • Tisħiħ tal-Governanza fi ħdan id-Direttorat: L-istrateġija ser timplimenta numru ta’ proċessi legali u finanzjarji ġodda, bil-għan li l-proċessi kollha tad-Direttorat jibqgħu konformi mar-regolamenti lokali u Ewropej kollha;
 
  • Kommunikazzjoni diretta mal-pubbliku: L-istrateġija qegħda tenfasizza fuq komunikazzjoni diretta, attiva u trasparenti mal-pubbliku, u speċjalment mal-attivisti kollha li jaħdmu f’dan is-settur. Dan ser isir tramite l-użu tal-midja soċjali, il-midja tradizzjonali, u anke diskussjonijiet diretti maċ-ċittadini.
 
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif “minkejja r-riżorsi u l-assistenza li d-Direttorat ingħata matul is-snin, u għalkemm saru diversi avvanzi, għad hemm oqsma li jridu jitjiebu. F’dawn l-aħħar snin għamilna numru ta’ laqgħat estensivi mal-NGOs u l-partijiet interessati, fejn deher ċar li għalkemm sar u qed isir xogħol tajjeb, għad hemm lok fejn ntejbu l-operat. Għaldaqstant, permezz ta’ din ir-riforma, hemm lok għal iżjed avvanzi notevoli fil-kwalità u l-livell tal-Ħarsien tal-Annimali.”
 
Huwa għamel referenza wkoll għal dak li sar f’dawn l-aħħar snin, fejn semma l-bini ta’ cattery ġdida fl-animal welfare, ġew introdotti l-Animal Welfare Community Stewards, ġie msaħħaħ l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, kif ukoll diversi leġislazzjonijiet ġodda, fost inizjattivi oħra.
 
Il-Ministru Anton Refalo temm jgħid li se jkunu qed isegwu mill-viċin din il-ħidma b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders ikkonċernati.
 
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li “Dan id-dokument huwa pass importanti biex inkomplu nsaħħu settur ieħor, li ilu jgħaddi minn diversi ostakli. Bdejna bi proċessi ta’ evalwazzjoni biex niżnu dak li huwa tajjeb, u dak li hemm bżonn jinbidel. Illum qed invaraw din il-bidla bżonnjuża u biex l-annimali jkomplu jkunu fil-quċċata tal-prijoritajiet tagħna.”
 
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet kif il-Gvern ser ikun qiegħed jikkommetti ruħu favur aktar kontabbiltà u trasparenza f’dak li ser ikun qiegħed jitwettaq. Hija temmet tgħid li “Ser naraw li dan il-pjan jiġi implimentat u kommessi li nibqgħu nwasslu messaġġ favur il-ħarsien xieraq tal-annimali f’pajjiżna.”​

camera iconPHOTO GALLERY
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com