Kif tista’ tgħaddi l-ħin f’Wied il-Għajn
Kulma jmur, Wied il-Għajn qiegħed isir post turistiku immens għaliex illum il-ġurnata hemm diversi modi ta’ kif tista’ tgħaddi l-ħin f’dan il-post. Hawnhekk se nsemmi ftit imma jekk tafu iktar, inħeġġiġkom biex tiktbulna fil-kummenti.
Mixja
Jekk titlaq mill-bajja sabiħa ta’ San Tumas, tista’ tibda mixja mill-isbaħ fuq il-munxar. Hawnhekk ser tara veduti spettakolari, bix-xeni tal-baħar li ma jispiċċaw qatt. Barra minn hekk, fiż-żona taż-Żonqor tista’ tesperjenza mixja mill-isbaħ ukoll.
Torri Mamo
Dan it-torri huwa wieħed meraviljuż b’forma ta’ salib. Wieħed faċilment jista’ jibbukkja sabiex jidħol u jara dan it-torri minn ġewwa.
Il-Ramla
Wied il-Għajn huwa magħruf sabiex wieħed jinżel jgħum u l-iktar bajja popolari hija dik ta’ San Tumas, magħrufa aħjar bħala “Ir-Ramla”. Din il-bajja hija ta’ ġid għall-familja kollha peress li għandha parti mrammla u parti oħra bil-blat. Għal min hu daqsxejn avventuruż, fuq din il-bajja, tista’ tikri xi Jet-skis u kenuri sabex tiskopri din iż-żona aħjar. Barra minn dan, wieħed jista’ jsib diversi ristoranti u gabbani sabiex inaqqar xi ħaġa kif ikun hemm.
Park għall-familja
Il-park ta’ Sant’Antnin huwa ideali għall-familja kollha. Fih, it-tfal isibu kull xorta ta’ attrazzjonijiet li jolqtuhom. Għall-adulti hemm ħafna żoni fejn wieħed jista’ joqgħod għall-kwiet.
Il-festa
Il-festa f’dan il-lokal hija waħda spettakolari. Minn fuq il-baħar, jagħtu n-nar li jkun sinkronizzat mal-mużika u b’hekk, huwa divertiment li wieħed m’għandux jitilfu.