Bħal-lum kien sar l-ewwel ġuri fl-istorja kriminali Maltija
Kien bħal-lum 16 ta’ Novembru tal-1815 meta sar l-ewwel ġuri fl-istorja kriminali Maltija. Dan beda fil-Palazz tal-Gvernatur fil-Belt Valletta.
Kienet sessjoni tal-qorti tal-piraterija u kienet presjeduta mill-Gvernatur Sir Thomas Maitland assistit minn erba’ kummissjonarji.
Id-deċiżjoni li f’Malta jibdew isiru l-ġurijiet bħall-Ingilterra kienet ittieħdet minn Kummissjoni li kienet żaret il-gżejjer Maltin fl-1 ta’ Frar 1815. Il-Gvernatur Maitland ma kienx jaqbel mas-sistema u kien qal lill-ġurati li kieku kien għalih, ma kienx isejħilhom.