Wara kritika kbira, Infrastructure Malta bi djalogu mal-Kunsill Lokali Żabbar
Matul l-aħħar jiem dawk kollha li jużaw it-toroq ta’ madwar triq il-Kunsill tal-Ewropa, Vjal il-Labour u Triq Bormla f’Ħaż-Żabbar sabu sorpriża ħelwa tistenniehom li qajmet diversi kummenti u kritika fuq il-media soċjali. Ir-rabja tas-sewwieqa tant kienet kbira li l-kunsill lokali ta’ Ħaż-Żabbar ħareġ żewġ stqarrijiet fuq ix-xogħolijiet li qed isiru f’dawn l-akkwati. Ix-xogħol fuq dawn it-toroq ilu għaddej għal diversi xhur u l-ġimgħa l-oħra hekk kif beda x-xogħol fuq ir-roundabout u l-bankina, is-sewwieqa bdew jindunaw li f’parti minnhom it-triq jew ġiet dejqa ħafna jew inkella trid issir manuvra li taf tkun perikoluża speċjalment filgħaxija meta jkun id-dlam. Barra minn hekk, f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata din il-parti kienet se żżomm ħafna traffiku.
Il-paġna tal-kunsill lokali kif ukoll f’diversi gruppi popolari ta’ facebook kien hemm mijiet ta’ kummenti biex jikkritikaw dan ix-xogħol u bosta wrew frustrazzjoni kbira. F’risposta għal dan kollu, il-kunsill lokali Żabbar ħareg stqarrija fejn għalkemm mhux b’mod dirett ta x’jifhem li l-kunsill lokali ma kienx ikkonsultat u talab biex meta jkun hemm dan it-tip ta’ xogħol ikun hemm djalogu u konsultazzjoni wiesgħa mal-kunsill. Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalulna li l-Kunsill ma kienx ikkonsultat li se jsir xogħol ta’ modifikazzjoni fejn hemm din il-famuża roundabout.
Fi stqarrija oħra li ħarġet ġurnata wara, il-kunsill lokali Żabbar ħabbar li wara taħdidiet ma’ Infrastructure Malta ġew diskussi l-problemi ġodda li kienu nħolqu f’din iż-żona fejn ġie maqbul min-naħa ta’ IM se jsir assessjar u evalwazzjoni teknika mill-ġdid fiż-żoni fejn il-pubbliku ikkritika bl-aħrax matul l-aħħar jiem.
Filwaqt li din l-aħbar intlaqet sewwa ħafna staqsew għala dan ix-xogħol u evalwar ma sarx mill-ewwel biex jiġi mnaqqas l-inkonvenjent li tqajjem apparti l-ħela ta’ riżorsi umani u finanzjarji. Wieħed jistenna l-eżitu tal-assessjar li se jsir u naraw jekk mhux għal darba oħra din iż-żona se terġa’ tinqala.