Anyway the wind blows…hekk qalilna l-grupp Queen

 Anyway the wind blows…hekk qalilna l-grupp Queen

Hekk kif il-ġranet bir-riħ mhux iħalluna ftit bi kwietna, ma nistgħux ma niftakrux f’waħda mill-aktar kanzunetti magħrufa tal-grupp ikoniku Queen: Bohemian Rhapsody. Il-kanzunetta kienet parti mir-raba’ album tal-grupp li nħareġ fl-1975 u li jġib it-titlu ta’ A Night at the Opera.

Il-kanzunetta hija klassifikata bħala waħda ikonika u ta’ riferiment għal ħafna. L-ewwel nett għaliex hija kapulavur mużikali fl-essenza tagħha. Tinkorpora stili differenti li ħafna lanqas qatt ma jgħaddilhom minn moħħom jabbinaw. Tibda acapella, jiġifieri armonija ta’ vuċijiet mingħajr mużika ta’ akkumpanjament, imbagħad tkompli ballata. Minn hemm tidħol parti mmexxija mid-daqq tal-kitarra li tiftaħ il-bibien għall-parti opera tal-kanzunetta, u mbagħad, biex inkunu għaqqadna l-mija, tintemm b’parti hard rock.

It-tieni raġuni għaliex hija tant apprezzata hija għaliex propju tirrakkonta l-personalità u l-istorja ta’ Freddy Mercury. Permezz ta’ din il-kanzunetta, huwa xtaq jesprimi kemm seta’ kien aktar kuntent li kieku ngħata l-opportunità li jgħix ħajtu kif ried hu. Ħajja fejn seta’ jkun konxju tiegħu nniffsu, partikolatment fejn tidħol l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, mingħajr l-ebda mistħija.

Minkejja li ilha kważi 50 sena li ħarġet, din il-kanzunetta għadha popolari immens. Infatti, hija waħda mill-aktar kanzunetti li baqgħet tinstema’ matul is-snin!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com