Eileen Montesin u Daniel Chircop imorru date…x’kellhom xi jgħidu?

 Eileen Montesin u Daniel Chircop imorru date…x’kellhom xi jgħidu?

L-ewwel episodju ta’ VIP Date ta’ Stradarjali beda bil-kbir hekk kif laqqa’ lil Daniel Chircop ta’ Danusan u l-attriċi u produttriċi lokali magħrufa Eileen Montesin – persuna li tant ispirat lil Daniel matul is-snin.

Starters: Sushi Dragon Roll, Dynamite Shrimp, Sticky Pork Belly u Chicken Gyoza

Daniel u Eileen iddiskutew diversi suġġetti waqt ikla f’restorant lokali magħruf bħala House of Flavours, f’Santa Venera. Bejn gidma u oħra tkellmu dwar minn fejn bdiet il-passjoni tagħhom għat-teatru u l-produzzjoni. Daniel semma kif minn meta kien żgħir kien jammira x-xogħol ta’ Eileen u infatti kien ta’ kuljum imur għand sieħbu sabiex flimkien jisimgħu r-radjodramm tagħha li kien jismu L-Istejjer ta’ Sossy.

Eileen semmiet kif l-imħabba tagħha għall-palk bdiet mill-iskola, fejn ipparteċipat f’kompetizzjoni li wasslitha sabiex tirbaħ il-premju tal-aqwa attriċi u minn hemm bdiet tieħu t-teatru b’aktar serjetà. Dan kien il-bidu ta’ karriera twila u sodisfaċenti li wasslitha biex issir waħda mill-aktar atturi, produtturi u preżentaturi maħbubin lokalment.

 

Main Course: Penne Prawns u BBQ Pork Ribs

Tkellmu wkoll dwar l-esperjenzi tagħhom meta f’okkażjonijiet differenti ppreżentaw il-Eurovision f’Malta u t-tnejn qalu li ma tantx kellhom esperjenzi eċċezzjonali. Min-naħa, Daniel qal li meta ppreżenta l-Eurovision kienet l-ewwel darba li Malta organizzat kunċert b’palk enormi u teknoloġiji li ma kienx familjari tagħhom. Ejja ngħidu li ħassu bħal donnu għandu l-anġlu t-tajjeb fuq spalla u l-ħażin fuq l-oħra, jfesfsulu f’widnejh, filwaqt li jrid jipprova jippreżenta bħal qisu xejn mhu xejn! Intant, Eileen semmiet kif meta ppreżentat il-Eurovision hi ħadulha l-gost u pjaċir kollu għax, fost is-serje ta’ affarijiet li marru żmerċ, lanqas ħallewha żżid kelma mal-iskript biex toħroġ il-karattru veru u ġenwin tagħha.

Deżerta: Kannoli friski

Huma kellhom l-opportunità wkoll jaqsmu diversi esperjenzi u stejjer oħrajn dwar il-familja, il-ġustizzja u anke dwar id-diffikultajiet li affaċċjaw fi żmien meta d-dinja nħakment mill-Covid-19. Dan filwaqt li kielu diversi platti tas-sushi differenti, platt għaġin ta’ veru, BBQ ribs, u spiċċaw b’kannol tal-irkotta liema bħalu.

Intkom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com