Basta kollna nitkellmu fuq is-saħħa mentali u qassis biċċirnieh
Bosta kienu r-reazzjonijiet meta dalgħodu fuq Vibe FM ġie ppubblikat filmat minn quddiesa fiż-Żurrieq ikkonċelebrata minn qassis; Dun Raymond fejn spjega kif waqt quddies hu jkun li jmexxi u li saħaq li mhux kulħadd jagħmel li jrid iżeda waqt l-offertorju għandu jkun hemm il-kant kif titlob il-liturġija.
Għalkemm bosta kienu dawk li nħasdu għaliex il-qassis kien assertiv, dan għandu jitqiegħed f’kuntest li kien qed jispjega x’suppost isir. Wara kollox, jekk int membru ta’ organizzazzjoni, f’dan il-każ il-knisja, għandek timxi mad-direzzjoni tagħha (f’dan il-każ qed nirreferu għall-quddiesa)
Kien hemm min iżżuffjeta bil-qassis u tawh bosta aġġettivi u frażijiet bħal ‘raqad mikxuf’ , ‘missu jistħi’ u oħrajn u anke saret remix fuq tiktok.
L-Arċidjoċesi Maltija ħarġet stqarrija li tgħid:
“L-Arċidjoċesi ta’ Malta tesprimi d-dispjaċir tagħha għall-inċident li jikkonċerna wieħed mis-saċerdoti tal-parroċċa taż-Żurrieq, u bħalissa qed taħdem mill-qrib ma’ dawk kollha kkonċernati biex tindirizza s-sitwazzjoni. Il-prijorità għall-Arċidjoċesi tibqa’ dejjem il-ġid tas-saċerdot kif ukoll tal-komunità.Waqt li l-Arċidjoċesi tieħu b’serjetà kbira inċidenti ta’ abbuż verbali u abbuż ieħor, minħabba ċ-ċirkostanzi kollha ta’ dan il-każ, ġentilment tappella lill-pubbliku biex ikun empatiku u sensittiv ma’ dawk kollha kkonċernati speċjalment meta jikkummenta fuq il-media soċjali.”
Fl-istess ħin bla ma trid jiġi f’moħħok il-ħsieb: Kemm aħna veru Kattoliċi? Kull min kiteb jgħajjar jew jidħaq bih ħa gost jara hekk? Possibbli ma nistaqsux x’kien il-kuntest kollu li wassal biex il-qassis jirreaġixxi hekk? Nassumu? Ma nempatizzawx u l-għors tagħna li jiġri xi ħaġa ħalli jkollna biex ngħaddu l-ħin?
Din terġa’ tingħaqa mas-suġġett tas-saħħa mentali fejn insaqsu: Aħna poplu li nieħdu l-okkażżjoni biex inkissru lil xulxin jew ngħinu lil xulxin?