Għidilhom li tħobbhom permezz ta’ waħda minn dawn il-ħames fjuriet
Il-festa ta’ San Valentinu hija propju sinonima mal-bukketti tal-fjuri li jservu bħala simbolu ta’ imħabba mill-persuna li tagħti, għall-persuna li tirċievi. Aħna ta’ Stradarjali kkumpilajnielkom lista ta’ fjuri li verament jissimbolizzaw l-imħabba fil-varjetà kollha tagħha. Jekk bi ħsiebek tixtri xi bukkett fjuri għal persuna speċjali, ara liema fjura minn hawn taħt hija l-aktar waħda ideali!
1. Il-warda
Il-warda, speċjalment dik ħamra, hija l-fjura l-aktar popolari fi żmien San Valentinu. Il-warda ħamra tissimbolizza r-romantiċiżmu, l-imħabba, l-ġmiel u anke kuraġġ. Intant, jekk għandek xi ħabib jew ħabiba li tħobb ħafna u tixtieq tenfasizza s-sinifikat tal-ħbiberija tagħkom għalik, tista’ ttihom warda safra. Jekk forsi tixtieq tagħti warda lill-uliedek f’dan iż-żmien, mela aħseb għall-ward abjad, li jissimbolizza l-innoċenza u l-purità.
2. L-orkidea
Fjura oħra popolari f’dan iż-żmien u li tirrappreżenta l-imħabba u s-saħħa hija l-orkidea. Jekk hemm xi persuna li tammira u li ġġiblek ħafna ferħ, mela l-orkidea roża hija l-fjura perfetta għaliha. L-orkidea s-safra, tirrappreżenta l-imħabba bejn il-ħbieb kif ukoll bidu ġdid. Filwaqt li l-orkidea vjola tingħata bħala simbolu ta’ ammirazzjoni u rispett.
3. Il-qronfla
Din il-fjura hija wkoll waħda mill-aktar popolari lokalment, u wieħed kapaċi jsibha f’diversi kuluri vibranti minn aħmar, għal roża, u oranġjo, u oħrajn anke bl-isfumaturi bojod. Din it-tip ta’ fjura tissimbolizza d-devozzjoni, l-imħabba, u l-faxxinu.
4. It-tulipan
Is-sinifikat prinċipali ta’ din il-fjura sempliċi u vibranti hija l-imħabba pura, profonda u perfetta. Hija meqjusa bħala fjura klassika u maħbuba minn ħafna, dejjem kollegata mal-imħabba. Hija l-fjura ideali li għandek tagħti lil xi ħadd li tħoss imħabba bla limitu għalihom, kemm jekk huwa s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek, it-tfal, il-ġenituri jew anke ħutek!
5. Il-ġirasol
Kont taf li anke l-ġirasol hija fjura li tissimbolizza l-imħabba? Hekk hu! Speċjalment fejn tidħol l-imħabba lejn il-ħbieb. Din il-fjura hija r-rigal perfett għal dawk il-persuni li jġiegħeluk tħossok eżatt bħal kif iġġiegħlek tħossok ix-xemx f’ġurnata sabiħa.
Taf b’aktar fjuri li jissimbolizzaw l-imħabba? Għidilna fil-kummenti!