Issib nies jibagħtu stickers tal-good morning kuljum praċett
Żgur li għandkom dak jew dik il-persuna li tibgħatlek good morning u good night kuljum praċett.
Issib min iħossu tajjeb li jagħmel hekk. Issib min jurta ruħu min-naħa l-oħra, li jirċievi dawn l-istickers fuq bażi ta’ kuljum tant li anke jispiċċa ma jweġibx iżjed.
Din hija forma ta’ chain letter idea; fejn f’chain letter, persuna kważi tisforza lill-persuna oħra biex tibgħat l-istess kontenut lil ħaddieħor. Għalkemm f’dan il-każ li qed nitkellmu fuqu hemm differenza, għaliex m’hemmx x’tibgħat lil ħaddieħor imma tibgħat lill-persuna nnifisha li tkun bagħtitlek – allura xorta jidħol is-sens bħal tac-chain letter għaliex tħossok qisek obbligat li trid twieġeb.
Tajjeb li persuna tkun konxja; kemm min qed jibgħat dawn l-istickers li kapaċi qed idejjaq lill-oħrajn u anke inti li qed tirċievi. Sta għalik li tiddeċiedi li ma tweġibx jekk tara dan il-ġest tedjanti.