Tiftakruha? Iż-żunżana ddur iddur …

 Tiftakruha? Iż-żunżana ddur iddur …

Iż-żunzana ddur iddur, fuq il-bejt tal-kaċċatur, meta tasal taħt il-mina tagħmel żinn, żunn, żann …

Logħba antika li sa żmien riċenti kienet għadha popolari imma niddubitaw kemm għadha tintlagħab illum. Din kienet tintlagħab bejn grupp ta’ tfal ta’ iktar minn tlieta fejn kulħadd ipoġġi f’ċirku waqt li titkanta din it-taqbila ta’ rima ħelwa.

Xi ħadd mill-grupp ikun qed jiġri madwar dan iċ-ċirku b’ġebla żgħira f’idu donnu żunżana. Malli tispiċċa t-taqbila, dak li jkun qed jiġri (iż-żunżana) ipoġġi l-ġebla wara dahar it-tifel/tifla li jkun wasal warajh. Dak li jkollu l-ġebla warajh imbagħad irid iqum jiġri wara ż-żunżana u jipprova jaqbadha.

Jekk jaqbadha, iż-żunżana jkollha tpoġġi f’nofs iċ-ċirku u ma tilgħabx iżjed. Iżda jekk jirnexxilha ddur iċ-ċirku sħiħ u tpoġġi flok dak li jkun qed jiġri warajha tirbaħ l-post u b’hekk it-tifel li jkun qed jiġri jispiċċa hu ż-żunżana u l-logħba tibqa’ sejra hekk sakemm kulħadd jispiċċa bilqiegħda f’nofs iċ-ċirku.

X’gost u burdell. Dak kien żmien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com