Kemm hu importanti li titgħallem tħobb lilek innifsek?
- Tim Strada Rjali
- Saturday, 10 February 2024, 5:00
- 0
Ħafna żgħażagħ illum il-ġurnata huma ffissati li jkunu f’relazzjoni għaliex jemmnu li jekk ikollhom persuna li tħobbhom, mela din isservi bħala konferma li għandhom iħobbu lilhom innifishom. Madanakollu, Johann Agius, żgħażugħ ta’ 29 sena u membru tal-komunità LGBT, qalilna li l-ewwel għandek titgħallem tħobb u taċċetta lilek innifsek, imbagħad wara tidħol f’relazzjoni.
Waqt din l-intervista ma’ Stradarjali, Johann spjega li partikolarmet fi żmien San Valentinu wieħed jiffoka ħafna fuq l-imħabba bejn il-koppji, iżda sostna li l-imħabba għalina nfusna għandha tkun prijorità. Semma kif hu, bħala membru tal-komunità LGBT, kellu vjaġġ xi ftit twil biex jitgħallem iħobb lilu nnifsu. Qal li hemm persuni li jdumu snin ma jaċċettaw lilhom innifishom.
Johann irrimarka li minkejja li bħala pajjiż, Malta taċċetta persuni LGBT, iħoss li fil-prattika, is-soċjetà Maltija għadha lura. Semma wkoll li din mhix il-mentalità ta’ xi ġenerazzjoni waħda partikolari, iżda tal-ġenerazzjonijiet kollha, inkluż ċerti żgħażagħ li ma jridux jaċċettaw il-fatt li jeżistu modi differenti ta’ kif wieħed jgħix ħajtu u jesprimi imħabbtu.
Irrakkonta l-istorja ta’ żagħżugħ trans li kien qed jidher ħafna kemm onlajn kif ukoll f’intervisti differenti, fejn tkellem dwar l-istorja tiegħu u d-drittijiet ta’ persuni trans. Dan iżda rċieva ħafna “hate” minn diversi persuni li qraw dwaru jew segwewh b’xi mod jew ieħor. Johann qal li dan kien mument fejn ħass li kellu jitkellem u jaqbeż għal dan iż-żagħżugħ, filwaqt li appella lil kulħadd, partikolarment lil membri oħra voċiferi tal-komunità LGBT sabiex jaqbżu għal xulxin u juru solidarjetà ma’ xulxin.
Iqajjem kuxjenza dwar l-imħabba għalina nfusna fuq il-midja soċjali
Miż-żmien il-pandemija s’issa, Johann beda juża l-midja soċjali sabiex iqajjem aktar kuxjenza dwar il-fatt li għandna nħobbu u naċċettaw lilna nfusna kif aħna. Irrimarka li fuq il-midja soċjali dejjem niġu esposti għal persuni perfetti, b’ġisem perfett. Qal li jemmen li kull persuna għandha s-sabiħ tagħha u għalhekk beda jtella’ posts onlajn li permezz tagħhom jixtieq jgħaddi l-messaġġ li “m’hemmx bżonn tkun f’din il-kaxxa perfetta biex tkun sabiħ.”