X’aġir stramb ikollhom meta jkunu qed jittraduk?
Jekk qed tistaqsi lilek innifsek jekk il-partner tiegħek hux qed jittradik u qed tissuspetta li inti spiċċajt vittma tal-infedeltà, hemm diversi sinjali li ġeneralment iġiegħeluk tibda titħasseb. Filwaqt li kull relazzjoni hija differenti, hemm diversi atteġjamenti komuni ta’ persuni li jaf qed ikunu infedeli.
Madanakollu, qabel ma titkellem mas-sieħeb jew sieħba tiegħek dwar dak li qed taħseb, għandek tara li tiġbor l-evidenza li turi dan biċ-ċar.
1. Tibdil fl-apparenza
Jekk il-partner tiegħek ma tantx huwa xi wieħed li joqgħod jaħsibha darbtejn x’jilbes meta jkun miegħek, iżda jitfa’ ħafna ħsieb u xogħol fl-għażla tal-ħwejjeġ meta ma jkunx miegħek, mela jista’ jkun li qed jipprova jimpressjona lil xi ħaddieħor! Similarment meta xi ħadd jibda jagħmel ħafna eżerċizzju u dietà bil-għan li jonqos u jidher aktar attraenti. Jew inkella jibda jagħmel ħafna fwieħa fejn qabel għandu xorti kien jidlek naqra roll-on taħt idejh!
2. Użu sigriet tal-mowbajl u l-kompjuter
Persuna li tkun qed tittradixxi lill-partner tagħha ġeneralment tibda tuża’ l-mowbajl u l-kompjuter b’mod sigriet u ma tħalli lil ħadd jersaq lejhom. Jekk il-mowbajl u l-laptop tal-partner tiegħek qatt ma kellhom bżonn password qabel, iżda issa l-folja nbidlet, mela jista’ jkun li hemm xi ħaġa naqra tinten għaddejja.
3. Ma jirnexxilekx tikkuntattjahom faċilment
Jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħek qed jittraduk, hemm ċans li meta tipprova tikkuntattjahom idumu ħafna ma jwieġbu u joħorġu b’ħafna skużi leġittimi bħal: kont meeting, kont qed insuq, ma kellix reception… Dan l-aġir isir partikolarment allarmanti meta huwa barra mill-ħin normali tax-xogħol, jiġifieri meta jgħidu li spiċċaw jaħdmu fit-tard jew ma setgħux iwieġbu waqt business trip.
4. Żieda jew tnaqqis sostanzjali fis-sess
Jekk ir-relazzjoni tiegħek qed tesperjenza tnaqqis drastiku jew anke żieda drastika fis-sess, dan jista’ jkun ukoll sinja ta’ infedeltà. Ikun hemm inqas sess meta l-partner tiegħek ikun iffukat fuq xi ħaddieħor. Ikun hemm iktar sess jekk ikunu jridu jgħattu li għandhom interess f’xi ħaddieħor.
5. Spejjeż li ma jistgħux jiġu ġġustifikati
Jekk tibda tara spejjeż li ma jagħmlux sens fuq il-credit card tas-sieħeb jew sieħba tiegħek, jew f’daqqa waħda hemm inqas flus fil-kont tal-bank, kontijiet ta’ investiment, jew kontijiet tal-penzjoni eċċ, dan jista’ jkun sinjal ta’ infedeltà. Jekk tistaqsi lill-partner tiegħek dwar dawn u r-risposta tagħhom tinstema’ bħal gidba, mela probabbli hija eżattament dik…gidba!
6. Żieda fil-gideb
Meta persuna tigdiblek, faċli li tibda tiddubita fiha. Jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħek jibdew jigdbu fuq kollox, anke affarijiet bażiċi li ma tantx tifhem għaliex kellhom jigdbu fuqhom mela iftaħ għajnejk u widnejk sew. Jekk il-partner tiegħek jigdiblek dwar fejn marru u ma’ min kienu, meta tibda tarah li qed iżid is-sigrieti u sħabu bħal jibdew iħossuhom anzjużi madwarek, mela jista’ jkun hemm xi ħaġa stramba għaddejja hemm.
7. Tħoss li qed jevitawk
Jekk f’daqqa waħda tibda tarahom qed jevitawk, u kważi ma jridu jagħmlu xejn aktar miegħek lanqas li toħorġu flimkien. Jekk jibdew iħarsu fejn is-soltu ma kinux, dawn kollha jistgħu jkunu sinjali li l-partner tiegħek qed jittradik.
8. Jibdew jakkużaw lilek li qed tkun infedeli
Jekk tikkonfrontahom dwar il-ħsibijiet tiegħek li qed jittraduk u f’daqqa waħda ddur kontrik u jibdew jakkużaw lilek li qed taqlibielhom…mela hawn għandek tieqaf u tgħid, “ħoj…xi ħaġa mhux iddoqqli hawn!”
9. Jitolbuk biex tieqaf tagħmel ġesti sbieħ magħhom
Jekk inti persuna ħanina ħafna u li tħobb tagħmel ġesti sbieħ fil-konfront tas-sieħeb jew sieħba tiegħek, jista’ jkun li jitolbuk tieqaf! Huwa iktar diffiċli titradixxi persuna li titrattak b’mod indifferenti jew ħażin, minn persuna li turik l-imħabba tagħha b’mod frekwenti…le?
10. Jevitaw avvenimenti soċjali jew tal-familja
Jekk f’daqqa waħda, is-sieħeb jew sieħba tiegħek ma jridux jiġu aktar avvenimenti soċjali jew tal-familja, xi ħaġa li qabel qatt ma ħassew il-bżonn li jevitaw, mela hemm xi ħaġa li sejra żmerċ.
Infakkrukom li din il-lista ma tistax tapplika għal kulħadd u lanqas ifisser li jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħek jagħmlu wieħed jew aktar minn dawn l-affarijiet allura żgur qed jittraduk. Qabel ma tfattarha, ara li jkollok provi konkreti!