Il-purċisjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira għad jispiċċaw?
Tradizzjoni li ssibha f’diversi rħula u villaġġi Maltin hija dik li toħroġ purċissjoni fil-Ġimgħa l-Kbira jew Sibt il-Għid.
Matul din il-purċissjoni, apparti li jintrefgħu diversi statwi jkun hemm ukoll diversi persuni li jilbsu ta’ personaġġi differenti mill-Bibbja li jimxu bejn statwa u oħra u jfakkru lil dawk kollha preżenti fi ġrajjiet differenti li huma rrakkuntati fil-Bibbja. Min jilbes ta’ Adam u Eva, min jilbes ta’ Sant’ Anna jew San Ġużepp u min jilbes ta’ xi karattru mill-passjoni ta’ Kristu.
Uħud minn dawn il-purċissjonijiet imbagħad jintemmu f’rakkont tal-passjoni ta’ Kristu rreċtat minn diversi persuni li jkunu wkoll parti mill-istess purċissjoni.
Madanakollu, iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar jidher li qed issir diffiċli li l-purċissjoni tinżamm sħiħa u kbira kif kienet qabel. Ir-raġuni hija li aktar kemm jgħaddi żmien aktar qed jonqsu l-persuni akkaniti għal dawn it-tip ta’ avvenimenti u b’hekk inqas u inqas nies qed jitħajru jilbsu waqt il-purċissjonijiet.
Dan iġiegħelna nibdew naħsbu, imma tgħid minn hawn u ftit snin oħra se jkun hawn biżżejjed nies li jieħdu interess u jgħinu sabiex iżommu dawn it-tradizzjonijiet Maltin ħajjin?
Minkejja kollox, diversi villaġġi jibqgħu jaħdmu, sena wara sena, sabiex iżommu t-tradizzjoni għaddejja. Infatti, kull nhar ta’ ġimgħa fi żmien ir-Randan fil-Birgu qed issir il-purċissjoni magħrufa bħala tal-misteri. Tradizzjoni li twaqqfet propju wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li reġgħet ħadet il-ħajja riċentament. Kull nhar ta’ ġimgħa tinħareġ statwa differenti u permezz tagħha, il-purċissjoni tfakkar mumenti differenti mill-passjoni ta’ Kristu.
Intant għall-Parroċċa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi se jkunu qed isiru diversi poloz sabiex jintagħżlu l-persuni li jilbsu fil-purċissjonijiet kemm tal-Ġimgħa l-Kbira u kif ukoll f’dik tat-tfal.
Intkom x’taħsbu, se jirnexxielna nibqgħu nżommu din it-tradizzjoni ħajja matul is-snin li ġejjin?