Tim ta’ Maltin fuq quddiem tar-riċerka kwantistika Ewropea

 Tim ta’ Maltin fuq quddiem tar-riċerka kwantistika Ewropea

Kontu tafu li hawn tim ta’ Maltin li bħalissa qed jaħdem sabiex jibni netwerk ta’ komunikazzjoni kwantistika fil-gżejjer Maltin bħala parti minn proġett Ewropew?

Iva, sewwa qrajtu! F’pajjiżna hemm tim magħruf bħala Physical Security for Public Infrastructure in Malta, jew PRISM, li fih ġabar seba’ membri li ġejjin mis-settur pubbliku u privat. Dan it-tim qed jaħdem fuq netwerk ta’ komunikazzjoni kwantistika li tuża prinċipji tal-fiżika tal-kwantum biex jipproteġi t-trasferiment tal-informazzjoni minn punt għall-ieħor.

Imma għaliex huwa importanti dan il-proġett? Bħalissa qed jiġu żviluppati kompjuters aktar potenti milli qatt nistgħu nimmaġinaw u li jgħidulhom il-kompjuters tal-kwantum. Dawn il-kompjuters se jkunu kapaċi jagħmlu affarijiet inkredibbli, minħabba l-qawwa komputazzjonali tagħhom li hija ħafna u ħafna akbar mill-qawwa tal-kompjuters kif nafuhom illum. Dan ifisser li se jkun hemm riskju akbar u iktar perikoluż meta dawn il-kompjuters jintużaw minn xi persuni b’fini kriminali.

Persuni li jafu jużaw u jifhmu l-kompjuters tal-kwantum se jkunu kapaċi jkissru d-difiżi li llum il-ġurnata jipproteġu l-komunikazzjonijiet tagħna u jżommuhom sikuri. Jekk ma jsirx l-investiment neċessarju f’teknoloġiji reżistenti u robusti li kapaċi jikkumbattu l-kompjuters kwantistiċi, mela dak kollu li mingħalina huwa sikur illum, għada jaf jispiċċa jinkixef u jixxejjer bħal bandiera!

Il-proġett bi ħsiebu jasal fi tmiemu f’nofs is-sena 2025 u se jkun qed jitwettaq bħala parti mill-inizjattiva tal-Infrastruttura Ewropea tal-Komunikazzjoni Kwantistika (EuroQCI), li għandha l-għan li tiżviluppa infrastruttura sikura tal-komunikazzjoni kwantistika madwar l-Unjoni Ewropea (UE) kollha.

Għalhekk, dan it-tim f’Malta għandu missjoni importanti għall-UE, sabiex jara li din tkun kapaċi tippożizzjona ruħha bħala mexxejja f’dan il-qasam, bl-għanijiet li tipproteġi il-komunikazzjonijiet tagħha u li jkollha vantaġġ kompetittiv fit-teknoloġiji kwantistiċi.

Aħna ta’ Strada Rjali nawguraw l-aqwa suċċess lil dan it-tim u ninsabu ħerqana sabiex naraw x’se jsarraf dan in-netwerk fiż-żmien li ġej!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com