Iebsa jew faċli jirnexxi artist f’pajjiżna?
Mistoqsija li tberren ħafna fi mħuħ l-artisti. Is-suq żgħir? Isibu għajnuna?
Isibu mela ma jsibux anke b’bosta skemi li joħorġu minn diversi setturi f’pajjiżna bħall-Arts Council Malta. Forsi l-artisti jirraġunaw li qatt mhu biżżejjed u nifhmu. Iċ-ċokon tagħna hu li hu u f’kull qasam, dejjem hemm bżonn ta’ iżjed fondi. Imma mbagħad tqum il-mistoqsija l-oħra: Kemm qed ikun kreattiv l-artist lokali biex jirnexxi?
Bla dubju, aħna nħobbu ħafna lill-artisti Maltin. Iżda jiġri wkoll il-fatt li ssib ħafna drabi fejn wieħed jikkopja lill-ieħor. Allura niġu fis-sitwazzjoni ta’ “L-għajta ta’ min twassal l-iżjed”.
Il-prezzijiet qed ikunu ġusti? Jew pittur li għadu jibda jitfa’ prezz għoli mill-ewwel li jaqta’ qalb lill-ammiratur biex jibda jemmen fih?
Ikun hemm ukoll istanzi fejn inti tiftiehem ma’ artist u jtik żmien ta’ meta biċċa arti tkun lesta. Jasal iż-żmien u jgħidlek għadni ma bdejtekx. Wieħed jifhem li l-arti tieħu l-ħin. Imma għaliex twebbel lill-klijent b’data meta din tinqabeż b’ħafna? Mhux talli hekk, talli joħduha kontrik li tibda tibgħatilhom u ssaqsiehom fejn waslu.
X’taħsbu fuqha?