Mużika Mużika – Il-Festival live bil-Malta Philharmonic Orchestra
Ftit jiem ilum tħabbru aktar dettalji dwar ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika, li ser jittella’ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Mużika Mużika għal darb’oħra ser jerġa’ joffri pjattaforma prestiġjuża lill-kontestanti, fejn ser jiġu ppreżentati live għoxrin kompożizzjoni bil-Malti, akkumpanjati mill-Malta Philharmonic Orchestra.
Bħalissa għaddejjin il-preparamenti loġistiċi biex il-livell ikun għoli kif dara bih il-poplu Malti fir-rigward ta’ dan il-festival. Bla dubju, tinżel tajjeb dejjem il-fatt li dan il-festival isir live flimkien mal-orkestra; xi ħaġa li niġġennu għaliha meta narawha ssir f’San Remo u hekk għandu jkun.
Din hija r-raba’ edizzjoni fejn din is-sena, il-palk ta’ Mużika Mużika ser ikun qed jinkludi elementi 3D biex juri movimenti viżwali minn kwalunkwe angolu, kif ukoll għadd kbir ta’ LED screens u elementi jiċċaqalqu li ser jikkumplimentaw l-istil uniku tal-palk.
Il-preżentaturi għal din l-edizzjoni se jkunu Keith Demicoli, Clare Agius, u Moira Delia.
Id-Direttur Artistiku tal-Festival, Paul Abela semma li waqt din l-edizzjoni se terġa’ tirritorna l-Lejla tal-Klassiċi, li ser issir fil-15 ta’ Marzu, fejn kanzunetti klassiċi Maltin ser jiġu interpretati minn diversi kantanti stabbiliti fix-xena tal-mużika lokali.
Huwa ħabbar ukoll il-mistiedna speċjali li ser ikunu qed jagħtu l-ispettaklu tagħhom fis-serata finali li se jkunu Gianluca Bezzina li rebaħ it-tielet edizzjoni tal-festival, kif ukoll Shaun Farrugia, li rnexxielu jikseb suċċess kbir internazzjonalment.
Ir-raba’ edizzjoni ta’ Mużika Mużika ser isseħħ bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2024. Għall-biljetti u aktar informazzjoni żur http://muzikamuzika.mt .