Tippreferu xemx u xita milli riħ?
Ħafna drabi nisimgħuha tingħadd din. Li aħjar xemx u sħana jew xita u kesħa milli balla riħ.
Il-gżejjer Maltin jintlaqtu ħafna drabi minn riħ qawwi. Dan minħabba l-pożizzjoni tal-gżejjer tagħna; pajjiż żgħir imdawwar bil-baħar.
Bla dubju, ir-riħ joħloq skumditajiet; idejjaq lill-għajnejn, imarrad u jtajjar trabijiet u ħmieġ ieħor. Apparti hekk, jaf jinħolqu perikli bħal meta titqaċċat xi siġra jew jinqalgħu xi arbli u jagħmlu ħsarat lill-vetturi u ġieli anke jweġġgħu nies.
F’mumenti ta’ riħ, anke meta nkunu nafu bih qabel grazzi għall-Uffiċċju Meterjoloġiku ta’ Malta, huwa importanti li nieħdu ħsieb fejn nipparkjaw. Tajjeb ukoll li nneħħu oġġetti li jistgħu jaqgħu u jweġġgħu lil xi ħadd; bħal qsari mill-gallariji u oġġetti/materjal ieħor li jista’ jtir bir-riħ.
Il-prevenzjoni hija l-aqwa kura.