Dawn huma t-tliet ingredjenti għal relazzjoni sana
Jekk inti trid li jkollok relazzjoni b’saħħitha, mela hemm tliet ingredjenti prinċipali li trid tara li jkollok. Le mhux qed nitkellmu fuq xi naqra kannella, bżar jew bużbież! Qed nitkellmu fuq azzjonijiet li trid tagħmel u tistenna li tirċievi lura sabiex ir-relazzjoni tissaħħaħ.
L-ewwel ingredjent: ir-rispett
Ir-rispett fi kwalunkwe relazzjoni huwa essenzjali. Dan ifisser li intom tqisu lil xulxin bħala importanti. Meta tirrispetta lil xi ħadd tammirahom għall-kwalitajiet u l-karattru tagħhom.
It-tieni ingredjent: il-fiduċja
Il-fiduċja f’xulxin tfisser li temmnu lil xulxin. Temmnu li jekk persuna tgħid li se tagħmel xi ħaġa, il-persuna l-oħra ma jkollha l-ebda dubju li se tagħmel hekk. Jekk xi ħadd jagħmel żball, il-persuna l-oħra tistenna li se jkunu onesti u jgħidulhom. Infatti, il-fiduċja hija bbażata fuq l-onestà bejn il-koppja, anke meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli jew ta’ skonfort.
It-tielet ingredjent: l-affezzjoni
L-affezzjoni f’relazzjoni sana tingħata u tkun riċevuta b’mod onest u mingħajr ħafna ħsieb. Koppji f’relazzjoni sana m’għandhomx għalfejn ifakkru lilhom innifishom biex juru affezzjoni lis-sieħeb jew sieħba tagħhom, sempliċiment juru l-imħabba u l-apprezzament tagħhom. Intant il-persuna li tkun qed tirċievi l-affezzjoni taċċettaha mingħajr ma tirriġettaha jew toħodha bħal li kieku xejn m’hu xejn.