“Dħalt għal appuntament fi spiżerija u ħriġt b’buti vojt…”
Kemm minnkom kellkom bżonn immorru għand xi professur fi spiżerija lokali u spiċċajtu ħallastu lill-professur u wara anke lill-ispiżerija talli l-professur qdiek hemm?
Kważi kull spiżerija li tospita fiha klinika fejn ipoġġu diversi professuri, jitolbuk tħallas bejn €4 u €6 ta’ kull persuna li tpoġġi bilqiegħda fuq siġġu sabiex tistenna għal appuntament. Jekk inti tmur ma’ persuna oħra, wara li jarak il-professur u tmur biex tħallas, jitolbuk il-ħlas għall-professur, li diġà waħdu jkun jaqbeż il-€50, imbagħad jitolbuk tħallas ukoll bejn €4 u €6 għal kull persuna li hemm miegħek talli għamilt użu mis-siġġijiet.
Din il-prattika mhix xi ħaġa li bdiet riċentament, imma ilna għexieren ta’ snin nesperjenzawha. Sfortunatament, fejn qabel kienu ftit dawk l-ispiżeriji li kienu jġiegħluk tħallas, illum bħal donnhom saru fil-maġġoranza.
Imma huwa sew li wara xi kont papali għand professur, ikollok tħallas aktar, sempliċiment għax għamilt użu minn siġġu? Mara anzjana li tkellmet ma’ Strada Rjali qalet li żaret spiżerija lokali u kellha tħallas €80 tal-professur, €6 għas-siġġu tagħha u €6 oħra għas-siġġu ta’ bintha li akkumpanjatha. Qalet li lanqas damu ħames minuti jistennew bilqiegħda. Kompliet billi staqsiet, “allura sewwa li jkolli nħallas €12 ta’ inqas minn ħames minuti fuq siġġu? Mela l-professur mhux diġà qed iħallas il-kera sabiex ipoġġi fl-ispiżerija? Allura għaliex irrid inħallas jiena wkoll?”
Intom taqblu li kull persuna li żżur tabib fi spiżerija privata għandha tintalab tħallas tas-siġġu? Għidulna fil-kummenti!