“X’ħin rajtu ħa jinżel fuq rkopptu, immutajna t-tnejn li aħna”

 “X’ħin rajtu ħa jinżel fuq rkopptu, immutajna t-tnejn li aħna”

Meta tkun se tiftaħ in-negozju tiegħek għall-ewwel darba hija ġurnata eċitanti immens…iżda kemm hija aktar eċitanti u memorabbli meta magħha tirċievi wkoll il-proposta taż-żwieġ mill-imħabba ta’ ħajtek? Hekk ġara riċentament lil Karen Zerafa.

Karen ilha għaddejja bil-preparamenti sabiex tiftaħ il-ħanut tal-ilbiesi tat-tieġ tagħha għal perjodu ta’ żmien. Iżda qatt ma basret li fil-ġurnata tal-launch party tal-ħanut tagħha ffukat fuq l-ilbiesi taż-żwieġ kienet se tisma’ hi l-mistoqsija l-kbira mingħand l-għarus tagħha Philip Tanti.

“Ġieli tkellimna u semmejtlu li nixtieq fairytale proposal. Konna niċċajtaw ħafna fuqha imma qatt ma stennejt li vera se jgħamilli sorpriża hekk,” spjegat Karen lit-tim ta’ Strada Rjali. “Kont vera eċitata bil-ftuħ tal-ħanut għax wara ħafna sagrifiċċji rnexxieli nasal s’hawn.”

Hi kompliet tgħid li Philip kien ta’ sapport kbir għaliha. “X’ħin rajtu ħa jinżel fuq rkopptu immutajna t-tnejn li aħna. Il-ħarsa li kellu fuq wiċċu dakinhar ma nistax inneħħija minn quddiem għajnejja għax naf xi sforz għamel biex jipproponi quddiem il-familja u sħabi. Għalieh dawn l-affarijiet huma intimi u jien l-oppost, open book!”

Hi kompliet tgħid li l-emozzjonijiet li ħasset dakinhar lanqas taf kif tibda tiddeskrivihom. “Bdejt nimmaġinani qiegħda ġo ħolma wisq sabiħa.”

Hekk kif hi tispeċjalizza propju fl-ilbiesi tat-tieġ, ma stajniex ma nistaqsux jekk diġa tafx x’tip ta’ libsa se tagħżel għall-ġurnata speċjali tagħha u ta’ Philip. “Għandi idea,” qalet hi, “imma naf li ġieli mmur bi pjan, imbagħad nipprova xi ħaġa differenti u nispiċċa ndawwar fhemti u nixtri l-oppost ta’ li nkun ħsibt!”

Awguri Karen u Philip!

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com