6 raġunijiet għaliex għandek iżżur il-Kyrgyzstan minn tal-inqas darba f’ħajtek
Minn veduti pittoreski, żwiemel selvaġġi, muntanji u ambjent naturali kull fejn iddur, il-Kyrgyzstan huwa pajjiż li b’xi mod jew ieħor għandek tara li żżur! Forsi mhux pajjiż li naturalment ikun fil-lista komuni ta’ postijiet fejn wieħed għandu jivvjaġġa. U forsi hawn min lanqas biss qatt sema’ bih!
Il-Kyrgystan jinsab fil-fruntiera tal-Lvant tar-reġjun Ċentrali tal-Asja. Il-belt kapitali hija Bishkek u wħud mill-aktar ibliet magħrufa huma Jalalabad, Kara-Balta, Karakol, Osh u Tokmok.
Iżda għaliex naħsbu li huwa pajjiż daqshekk meraviljuż u li għandek tara li żżuru darba f’ħajtek?
- Il-kultura rikka u xi kultant stramba tal-pajjiż
Il-kultura tal-pajjiż hija waħda affaxxinanti. Il-popolazzjoni hija fil-maġġorparti tagħha Musulmana u l-lingwi li jitkellmu huma r-Russu u l-Kyrgyz. Għandhom tradizzjonijiet simili bħal tal-persuni bi stil ta’ ħajja nomada fil-Mongolja fostom li jipprattikaw il-kaċċa permezz tal-ajkli. Filwaqt li fix-xitwa jgħixu fil-villaġġi, matul is-sajf iqattgħu l-ġranet tagħhom iduru fil-muntanji.
- Il-kaċċa permezz tal-ajkli
Waħda mill-aktar tradizzjonijiet impressjonanti tal-pajjiż huwa l-arti antika tal-kaċċa permezz tal-ajkli. Eluf ta’ snin ilu persuni li jgħix fiċ-Ċentru tal-Asja bdew jimmansaw lil dan it-tip ta’ għasfur kbir u jużawh fil-kaċċa sabiex jaqbdu kemm annimali għall-ikel, kif ukoll għall-pil fix-xhur tax-xitwa.
- Sport stramb li jgħidulu “Dead Goat Polo”
Dan l-isport stramb huwa logħba vjolenti ta’ rugby fuq iż-żwiemel bl-użu ta’ mogħża mejta bla ras minflok ballun…Leġġenda antika tgħid li l-isport inħoloq minn persuni li kienu fuq il-muntanja u raw grupp ta’ lpup griżi joqtlu mogħża u jwaddbuha ‘l hemm u ‘l hawn bħal qishom qed jilgħabu.
- Iċ-ċelebrazzjoni meraviljuża ta’ Nowruz
F’Kyrgyzstan isiru diversi festivals u ċelebrazzjonijiet ta’ ġranet sagri, iżda Nowruz hija fost l-aktar speċjali. Hija ċċelebrata madwar il-pajjiż kollu, anke fl-iċken villaġġi. Il-kelma Nowruz tfisser “New Day” u hija ċċelebrazzjoni tal-Ewwel tas-Sena għall-Persjani. Timmarka l-ewwel ġurnata tal-ewwel xahar fil-kalendarju Iranjan u l-bidu tar-Rebbiegħa għall-emisfera tat-Tramuntana.
- Id-diversi passaġġi apposta għal min iħobb il-hiking
Jekk inti persuna li tħobb il-hiking, il-Kyrgyzstan huwa l-ġenna tiegħek. Il-pajjiż għandu eluf ta’ passaġġi fil-muntanji li jilħqu diversi quċċati u jwassluk għal lagi differenti. Inti u miexi se tiltaqa’ ma’ diversi xmajjar u lagi u huma eċċezzjonali anke għal dawk li jħobbu l-kayaking jew whitewater rafting.
- Ħafna u ħafna affarijiet x’tista’ tagħmel
Naċċertawk li mhux se tgħaddi ġurnata fejn tgħid: “lanqas naf x’se naqbad nagħmel illum!” Il-pajjiż għandu selezzjoni vasta ta’ attivitajiet, fosthom li toqgħod mal-persuni nomadi u ċ-ċittadini tal-pajjiż, titgħallem kif tibni yurt u dduq l-ikel lokali, iddur il-pajjiż fuq iż-żwiemel u tagħmel hikes li lanqas qatt ma mmaġinajt li kont se tagħmel.