Metodi dwar kif tista’ tkabbar u timmultiplika ġidek!
Kollox sew, naf x’inhu għaddej minn moħħok. Mela jien jirnexxieli nfaddal. Imma ejja ngħidu illi irnexxielek twarrab xi ħaġa żgħira mill-paga, minn xi rebħ jew wirt, kieku kif tinvestihom?
Sa ftit sninu ilu, l-aktar mod komuni għal tfaddil, kien illi dak li jkun jitfa’ xi ħaġa żgħira il-bank, jew f’ kont ta’ tfaddil (savings) jew marbutin (fixed). Kien iż-żmien meta l-imgħax imħallas mill-banek kien ħafna aħjar mill-lum. Għal flus marbutin kienu jitħallsu anki sa 5%. Illum dawn ir-rati huma biss ħolma, u allura min jirnexxielu jfaddal qed ifittex metodi oħra li jistgħu iħallu iktar qliegħ, anki jekk metodi oħra iġibu ftit aktar riskju.
Jeżistu skemi ta’ tfaddil ma’ diversi kumpaniji fejn wieħed jista’ jinvesti somma anki żgħira kull ftit xhur, u l-imgħax jaf ikun ikbar minn dak imħallas mill-banek. Imma wieħed jista’ jara dħul meta jgħaddu ammont (mhux ħażin) ta’ snin. Skemi simili jibbenifikaw minn refund fuq it-taxxa.
Jekk wieħed jagħmel ftit riċerka isib illi hawn diversi metodi kif wieħed jista’ jinvesti. Bonds privati jew tal-gvern, shares jew funds. Kollha jkollhom il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħhom. L-importanti li meta wieħed jasal biex jinvesti, jieħu parir mingħand persuna professjonali.
Min-naħa l-oħra , qisha saret moda li min għandu xi sold jinvestih f’xi flat sabiex jikrih. Xejn mhu ward u żahar. Wieħed ma jridx iħares biss lejn id-dħul għaliex dan l-investiment iġib miegħu riskji, spejjeż u commitment.
Dawn huma ftit metodi dwar kif tista’ tkabbar u timmultiplika ġidek. Int x’tara l-aħjar mod ta’ investiment?