Il-Potenzjal Moħbi f’Idejna tal-GPS

 Il-Potenzjal Moħbi f’Idejna tal-GPS

Taf x’inhu l‑GPS? X’taħseb kieku kelli ngħidlek li jintuża l‑ħin kollu tant li mingħajru ċerti servizzi ma jeżistux?

Il‑Global Positioning System (GPS) hija sistema li żviluppat l‑Istati Uniti. Tnediet fl‑1978 u għadha aġġornata sal‑lum. L‑għan ewlieni kien li tintuża għall‑militar u d‑difiża tal‑pajjiż. Biss, wara inċident fl‑1983, li fih ajruplan tal‑Korean Air Lines tniżżel bil‑forza mill‑Unjoni Sovjetika għax żgarra fin‑navigazzjoni u ħalla 269 persuna mejta, fid‑disgħinijiet il‑GPS infetħet għaċ‑ċivil.

Is‑sistema taħdem b’satelliti fl‑ispazju li jagħtu sinjali kontinwi li jinqabdu minn receivers apposta li jinsabu f’apparat ta’ kuljum, bħal smartphones. Dawn jikkalkulaw il‑ħin li jieħdu s‑sinjali biex jaslu minn bosta satelliti u l‑pożizzjoni tagħhom fl‑ispazju u jindikaw il‑post bi preċiżjoni liema bħalha.

Hawnhekk insemmi tmien sitwazzjonijiet mill‑ħajja ta’ kuljum li fihom titħaddem is‑sistema:

  1. In‑nies jistgħu jkunu jafu fejn qegħdin u ’l fejn iridu jmorru biex jaslu xi mkien. Hemm apps li jagħtu l‑postijiet ta’ interess jew li jagħtu xi servizz importanti.
  2. Ix‑xufiera tal‑vetturi fit‑triq, il‑bdoti tal‑ajruplani u l‑kaptani tal‑vapuri għandhom sistema li tiggwidahom biex jevitaw l‑inċidenti u jaslu fid‑destinazzjoni.
  3. Is‑servizzi ta’ emerġenza jistgħu jsiru jafu fejn hemm bżonn l‑għajnuna u jiggwidaw lill‑vetturi, bħall‑ambulanza, biex jevitaw l‑ostakli u jaslu malajr.
  4. Dawk involuti fl‑isport jistgħu janalizzaw il‑ħidma u s‑saħħa tal‑atleti dak il‑ħin jew fuq medda ta’ żmien u jgħinuhom biex itejbu l‑ħiliet tagħhom.
  5. Il‑kumpaniji bi flotot ta’ vetturi, bħal taxis, karozzi tal‑linja u vannijiet jew trakkijiet tal‑merkanzija jistgħu jaraw fejn huma, jgħinu lill‑impjegati u jnaqqsu l‑abbużi.
  6. Is‑settur finanzjarju, it‑telekomunikazzjoni u r‑riċerka xjentifika jridu l‑ħin preċiż u jqabblu sistemi diġitali f’postijiet differenti.
  7. L‑istudjużi jistgħu jistudjaw il‑movimenti ta’ annimali li jgħixu fis‑selvaġġ biex isiru jafuhom aħjar u jgħinu fil‑konservazzjoni.
  8. Ix‑xjentisti li jistudjaw l‑ambjent jistgħu jiksbu tagħrif importanti għall‑ħarsien tal‑klima bħaċ‑ċaqliq ta’ żoni urbani, ir‑rata ta’ deforestazzjoni u l‑effetti tad‑diżastri naturali.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com