Il-ħin kollu nitgħajru! Il-Kampanji elettorali hekk huma?
Botti fihom u ma fihomx, imma tgħajjir personali? Għaliex? U ġieli dawn ikunu jweġġgħu u anke jidħlu fil-personal. Baqa’ 24 jum għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u l-parlament ewropew u qegħdin fl-eqqel ta’ kampanja.
Il-kampanji mhux issa saru hekk imma dejjem hekk kienu. Jinħassu iżjed malajr illum minħabba l-preżenza tal-midja u iżjed minn hekk, tal-midja soċjali.
Il-Maġġoranza, għax mhux kulħadd, mhedijin fuq xi storja ħa toħroġ ġdida. Min se jidher ħażin ħalli mal-ewwel ċans, ninfexxu nattakkaw u ngħajru … u mbagħad, ma nħallux kumment ma jaqbilx magħna għaddej lixxa … irridu ngħajruh.
Fejnha s-saħħa mentali? Għaliex naslu hekk? Veru li għax tagħna aqwa minn tiegħek, jew hemm messaġġ moħbi ġo fina, li dan iż-żmien ikun hemm min jistennieh biex jiżvoga?
Noqogħdu attenti. Kampanji elettorali jgħaddu. Kulħadd bżonn xulxin anke jekk ngħidu li le. Kulħadd huwa uman.