Malta pajjiż fejn l-iktar ilsien mitkellem kien il-Malti, U issa?

 Malta pajjiż fejn l-iktar ilsien mitkellem kien il-Malti, U issa?

Malta tal-lum hija differenti ħafna minn kif kienet ħmistax jew għoxrin sena ilu. Minn pajjiż fejn l-iktar ilsien mitkellem kien il-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan fit-tieni u t-tielet post rispettivament, illum is-sitwazzjoni nbidlet drastikament. Kien hemm żmien meta l-Maltin kienu jifhmu u jirranġaw sewwa bit-Taljan ladarba konna esposti għall-kanali televiżivi Taljani biss u għalhekk drajna nisimgħu u nifhmu dik il-lingwa. Imbagħad daħlu t-televiżjoni u l-internet fid-djar Maltin u Għawdxin u bħal tlifna t-Taljan.

Meta Malta saret uffiċjalment parti mill-Unjoni Ewropea, dan ippermettilna li naħdmu u nistudjaw bla ħafna diffikultajiet fil-pajjiżi tal-UE bħalma bosta barranin mill-istess Unjoni setgħu jiġu jaħdmu u jistudjaw hawn Malta. Kellna wkoll is-sitwazzjoni tal-bosta immigranti li b’xi mod jew ieħor ġew mill-Afrika ta’ Fuq u stabilixxew ruħhom fil-gżejjer tagħna. Imbagħad ġie anki dak il-mument meta bdew ġejjin bl-eluf ħaddiema anki minn barra l-Unjoni Ewropea biex jaħdmu f’setturi bħall-Gaming, is-Saħħa, il-kostruzzjoni, lukandi u catering, u l-bqija.

Ma’ dawn ġew jew twieldu mijiet ta’ tfal, ulied ta’ ġenituri ġejjin minn varjetà ta’ nazzjonijiet, tista’ tgħid mill-kontinenti differenti. Dan kollu ħoloq sitwazzjoni f’ċerti skejjel lokali fejn fi spazju partikolari u għal numru ta’ sigħat kuljum jiltaqgħu tfal xi drabi ġejjin minn iktar minn tletin nazzjon differenti.

Nistaqsi, ma’ xiex qed iħabbtu wiċċhom fuq kollox it-tfal li qed jiffrekwentaw dawn l-iskejjel? Is-sitwazzjoni tista’ tħares lejha minn lenti negattiva, imma jista’ jkun li hemm ukoll il-lat pożittiv ta’ dan kollu wkoll. Qed nirreferi għas-sitwazzjoni ta’ multikulturalità li żgur teżisti f’ambjenti simili. Mela min jaf, waqt il-ħin tar-rikreazzjoni, kemm-il lingwa tisma’ mitkellma mit-tfal preżenti, bl-Ingliż – u min jaf forsi l-Malti?-, bħala l-ilsna ewlenija.

Tgħid it-tfal Maltin, uliedna, qed jiksbu xi ħaġa pożittiva minn dan kollu? Qed tinħoloq dik il-kurżità fihom dwar x’ilsien qed jitkellmu ta’ madwarhom, mil-liema rokna tad-dinja ġejjin, x’tip ta’ ikel tipiku għandhom. Hu veru li l-Malti bħala lsien qed imajna, jew bla ma nafu qed jarrikkixxi ruħu permezz ta’ dawn is-sitwazzjonijiet multikulturali?

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com