Oqgħod attent jekk se tixrob meta tkun il-baħar!
Wasal iż-żmien li nilbsu l-malji u nerħulha nċafċfu saqajna f’xi bajja madwar Malta u Għawdex! Speċjalment meta niddeċiedu li mmorru ġurnata sal-baħar, tarana nimlew il-cooler sa ruħ ommu b’varjetà ta’ ikel u xorb li ħafna drabi qas inkunu nifilħu nniżżluh kollu. Fost ix-xorb, inwaddbu fi flixkun inbid jew sitta birra…
Iżda filwaqt li naħsbu li xi ġurnata l-baħar b’naqra alkoħol hija l-aħjar mod kif tista’ tqatta’ l-ġranet tiegħek fis-sajf, ix-xorb alkoħoliku ħdejn il-baħar u taħt ix-xemx tiżreġ mhux daqshekk irrakkomandat.
Jekk bi ħsiebek tixrob iktar mis-soltu, oqgħod ‘il bogħod mill-baħar jew pixxini. Ix-xorb alkoħoliku, meta kkunsmat fi kwantitajiet kbar, ifixkel il-ħsieb, il-koordinazzjoni u r-riflessjonijiet ta’ dak li jkun. Dan jikkawża riskju li wieħed jgħereq jekk jidħol f’xi inċident fil-baħar meta ma jkunx fi stat konxju u ideali.
Riskju ieħor relatat mal-konsum tal-akoħol ħdejn il-baħar hija d-deidrazzjoni. Infatti, għandek tara li kemm jista’ jkun toqgħod attent li tixrob ħafna ilma meta tkun espost għax-xemx. Fis-sħana, il-ġisem ikun qed jaħdem b’tali mod li jżomm it-temperatura kkontrollata. Għal din ir-raġuni joħroġlok l-għaraq. Aktar kemm joħroġlok għaraq, aktar jonqos il-livell tal-ilma fil-ġisem. Għalhekk għandek tixrob ilma b’mod frekwenti, speċjalment meta qed tixrob ukoll l-alkoħol, li minnu nniffsu jikkawża deidrazzjoni fil-ġisem.
Kif tista’ tagħmel dan?
- Ixrob xorb li mhux alkoliku qabel ma tixrob l-alkoħol.
- Ħallat l-alkoħol ma’ juices jew ilma, jew inkella ixrob xorb b’livell ta’ alkoħol baxx.
- Ixrob ilma, xorb sportiv jew juices bejn it-tazzi tal-alkoħol.
- Kul ikla sew qabel ma tibda tixrob u kompli kul matul il-ġurnata. L-ikel jassorbi l-akoħol u jnaqqas ir-risku ta’ intossikazzjoni.
- Oqgħod f’żoni fejn hemm id-dell u għamel użu frekwenti mill-krema solari.