Kemm nifilħu nieklu?

 Kemm nifilħu nieklu?

Kemm fadal minna li kienu xxurtjati biżżejjed biex jisimgħu direttament minn fomm in-nanniet tagħhom it-tbatijiet li għaddew minnhom fl-aħħar gwerra dinjija u fis-snin li ġew warajha? Fost dawn ir-rakkonti kien jissemma l-gaxin, jew dak l-ikel ma kinux jieklu l-baħrin Ingliżi li kien jinġabar, jintagħżel u jerġa’ jinbiegħ lill-Maltin. Kien hemm il-Victory kitchen li kienet teżisti fi żmien meta l-ikel f’Malta kien tant naqas li bosta Maltin kellhom ta’ kuljum joħorġu b’kontenituri apposta u jingħataw il-ftit ħobż jew tip ta’ brodu biżżejjed biex familthom tibqa’ ħajja, u dan wara li jkunu għaddew ħinijiet twal fil-kju. Fis-snin sebgħin niftakar is-sistema tal-kupun tar-ration, meta bħala tfal konna mmorru għand tal-ħanut tal-merċa u biex jagħtina ftit zokkor kien jittimbralna fuq biċċa kartuna ħadra bil-kaxex sabiex kulħadd jieħu l-parti tiegħu fi żmien meta ċerti prodotti kienu neqsin.

Fortunatament, illum iż-żmien inbidel ħafna u nistgħu ngħidu li drajna ngħixu fl-abbundanza. Rasna mistrieħa li se nsibu għallinqas pastizzerija jew tnejn f’kull raħal, apparti l-ħanut tal-merċa, il-confectionery miżgħuda pasti u ħelu ta’ kull tip, kafetteriji u ristoranti kemm trid, bl-imwejjed anki barra mill-ħanut fuq il-bankina jew f’nofs misraħ jew triq.

Biex żgur inserrħu rasna saru jarmawlek ukoll bħal kjosks tal-ikel ambulanti matul diversi toroq passiġġiera jew f’żoni industrijali fejn ikun hemm mijiet ta’ ħaddiema. X’hemm isbaħ minn xi ftira biż-żejt, jew bil-bajd u l-laħam, jew biz-zalzett, waqt il-ħin tal-pawsa?! U dan flimkien ma’ xi flixkun birra ħafifa u friska? Dan biex ma nsemmux l-istands u l-kjoskijiet li nsibu waqt il-festa tar-raħal jew xi festival li bħala poplu nħobbu norganizzaw regolarment.

Hemm ukoll is-supermarkets li iktar kemm jgħaddi ż-żmien iktar qed jikbru u joffru lill-poplu varjetà ta’ prodotti bi prezzijiet li jvarjaw u jappellaw għal kulħadd. Ma’ dawn insemmu wkoll il-franchises iffrekwentati miż-żgħażagħ, il-junk food, is-sushi, il-kebabs, u l-moda li daħlet waqt il-Covid-19 u baqgħet magħna tal-ikel li nordnawh online u jġibuhulna direttament id-dar.

Insomma, Alla jberikna, min jgħid li m’aħniex poplu wikkiel?

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com