“Nagħmlu dak kollu li nistgħu biex it-tfal jilħqu l-potenzjal tagħhom” 

 “Nagħmlu dak kollu li nistgħu biex it-tfal jilħqu l-potenzjal tagħhom” 

L-għalliema huma parti integrali mill-iżvilupp ta’ kull wieħed u waħda minna. Filwaqt li l-ewwel forma ta’ edukazzjoni nirċevuha fid-dar, ma nistgħux ma nfaħħrux lill-għalliema għall-edukazzjoni li jagħtuna sa mill-ewwel mument li nidħlu fl-iskola ta’ età ċkejkna, sakemm intemmu l-edukazzjoni tagħna u nidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Aħna ta’ Strada Rjali tkellimna ma’ Isabelle Incorvaja, għalliema tal-ewwel sena primarja, f’Birżebbuġa. Fost l-ispunti li tkellimna dwarhom, Isabelle irrakkuntat l-esperjenzi tagħha matul is-snin li ilha taħdem bħala għalliema, il-metodi differenti li wieħed għandu juża meta jgħallem tfal b’kapaċitajiet differenti, kif iżżomm it-tfal motivati biex jitgħallmu matul il-ġurnata u x’ispiraha biex issir għalliema.

  1. X’ispirak biex issir għalliema, u x’inhi l-aktar ħaġa sodifaċenti għalik f’din il-professjoni?

Jiena persuna kreattiva ħafna. Għalhekk meta kont qed niddeċiedi liema karriera naqbad, rajt li nsib xi ħaġa fejn inkun nista’ nużaha. Barra minn hekk inħobb ħafna l-kumpanija tat-tfal, forsi għax inħossni daqxejn tifla jien ukoll. Madanakollu nemmen illi li tkun għalliema hija l-ewwel u qabel kollox, vokazzjoni. Marbutin ma’ li tkun għalliema hemm bosta affarijiet li jagħtu sodisfazzjon (flimkien ma’ ħafna ħafna sfidi!). Li kieku jkolli nagħżel waħda jkolli ngħid li l-isbaħ ħaġa hija l-espressjoni fuq wiċċ it-tfal meta jindunaw li tgħallmu xi ħaġa ġdida u jħossuhom tajbin dwarhom infushom.

  1. ⁠Tista’ tiddeskrivi xi esperjenza li affaċċjajt fil-klassi u li dejjem tibqa’ tiftakar?

Ilni ngħallem issa u hemm ħafna esperjenzi li ngħożż. Partikolarment hemm l-istorja ta’ tifel li tgħallem jaqra fil-Year 6… Dan kien iħobb isajjar, għalhekk biex inħajru jaqra kont insiblu xi riċetti u kont nagħmillu attivitajiet marbutin magħha. Hemm ukoll l-istorja ta’ tifla li fis-snin ta’ qabel kienet għaddiet minn xi diffikultajiet imma li konna rabbejna relazzjoni sabiħa li għenitha timxi ‘l quddiem. Imbagħad hemm it-tifel li minkejja sitwazzjonijiet li kienu ġiegħluh irabbi attitudni ftit negattiva, narah jirnexxielu jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu u ma jħallihomx jiġru bih. Memorji sbieħ.

  1. ⁠Kif iżżomm lit-tfal motivati matul il-ġurnata, speċjalment meta forsi tkun qed tgħallem dwar xi suġġetti ftit tqal jew forsi ftit inqas interessanti minn oħrajn?

Biex iżżomm lit-tfal motivati ħaġa waħda trid: li tpoġġi lilhom fiċ-ċentru tat-tagħlim. Dan għalijja jfisser li tippreżenta lezzjonijiet b’mod li jkun interessanti għalihom, u mtarraġ skond l-abbiltà tagħhom. Jien nagħti ħafna prijorità liċ-ċaqlieq fil-klassi… kemm jista’ jkun indaħħal logħob li jinvolvi xi tip ta’ attività fiżika, flimkien ma’ stejjer, mużika, drama, logħob interattiv, ħidma fi gruppi u attivitajiet ‘hands-on’.

  1. ⁠Tfal differenti għandhom abbilitajiet differenti, taħseb li hemm bżonn li wieħed ikollu varjetà ta’ modi kif jgħallem l-istess suġġett?

Importanti ħafna li nippruvaw nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull student. Din hija waħda mill-akbar sfidi għall-għalliema llum. Fil-klassijiet tagħna nilqgħu tfal minn sfondi differenti, b’gosti differenti u abbiltajiet differenti. Aktar ma tvarja fl-approċċ, aktar aħjar. Sfortunatament mhux dejjem possibbli li nilħqu lil kulħadd il-ħin kollu, imma nagħmlu dak kollu li nistgħu biex kulħadd jilħaq il-potenzjal tiegħu/tagħha.

  1. ⁠Taħseb li t-teknoloġija tgħin lill-edukazzjoni? Hemm modi innovattivi biex tipprova tuża’ t-teknoloġija fil-klassi?

It-teknoloġija tgħin mhux ftit. Lanqas nista’ nimmaġinani ngħallem mingħajrha. Ibda mill-ippjanar u spiċċa bil-logħob interattiv li noħolqu għall-istudenti. Madanakollu, irrid ngħid li kollox f’ħinu u f’waqtu u li hemm lok għal kollox. It-teknoloġija m’għandha qatt tieħu post il-kotba, il-logħob u fuq kollox, l-interazzjoni ta’ bejnietna.

  1. Xi jfissru għalik il-kollegi għalliema tiegħek?

Il-kollegi għalliema tiegħi huma sors ta’ ispirazzjoni, sostenn u għajnuna imprezzabbli. Jien għandi x-xorti li naħdem ma’ tliet għalliema ddedikati mmens u l-kollaborazzjoni ta’ bejnietna hija essenzjali għax ix-xogħol li jirrikjedi tagħlim fil-primarja huwa tant kbir, li jkun ferm diffiċli, jekk mhux impossibbli li tagħmlu kollu waħdek. Aħna nistgħu noffru esperjenzi għat-tagħlim ta’ kwalità u varjati appuntu għax nikkollaboraw flimkien. Ma nistax ma nsemmix l-importanza tal-irwoli tal-LSEs u tal-membri tal-SLTs, li meta jkollok ix-xorti (kif għandi jien) li jkunu ddedikati u kapaċi, dawn ikunu ta’ sostenn, gwida u għajnuna kbira.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com