“L-istorbju ħabib tagħna”

 “L-istorbju ħabib tagħna”

Qatt għext dak il-waqt, qasir kemm hu qasir, meta tiġi f’tiegħek u tgħid “X’ħemda waqgħet!” Huwa waqt rari ħafna, l-aktar għal min imdorri jgħix fiż-żoni urbani fejn il-ħsejjes irritanti u l-istorbju ma jiqfux.

Issa li qed joqrob is-sajf hemm min jittanta jbexxaq ftit it-twieqi u l-bibien tal-gallariji biex tgħaddi żiffa friska, imma bħal mill-ewwel inbiddlu ħsiebna ladarba tolqotna l-kakofonija ta’ ħsejjes li bla ma ħadd stedinhom jidħlu minn barra. U hekk ikollona nagħlqu kullimkien u nixegħlu l-arja kundizzjonata, irridu jew ma rridux.

Illum nafu li f’bosta spazji urbani l-ħsejjes tat-traffiku ma jehdewx: il-magni tal-vetturi għaddejjin, il-brejkijiet tal-karozzi, il-ħornijiet jimpikaw bejniethom, is-sireni varji tal- ambulanzi, tal-vetturi tat-tifi tan-nar u tal-pulizija… Hemm imbagħad min joqgħod eżatt fil- linja minn fejn jgħaddu l-ajruplani huma u telgħin jew neżlin u allura f’ċerti ħinijiet tal-jum erħilhom ivenvnu wieħed wara l-ieħor donnhom xi terremot qed joqrob.

Ħsejjes irritanti li drajniehom – jew le? – huma dawk marbutin mal-manutenzjoni tat-toroq jew mal-industrija tal-kostruzzjoni. Jiġuni f’moħħi l-ħajmaks itambru waqt li jieklu l-blat sabiex iħammlu, l-istorbju tal-biża’ li jagħmlu l-gafef waqt li qed inaddfu l-art mill-blat jew ħamrija żejda, it-trakkijiet kbar li bla waqfien iġorru t-terrapien minn post għall-ieħor jew li jġibu tagħbija ta’ briks jew travi tal-konkrit, il-jackhammers, il-makkinarju kważi mostruż li jiekol wiċċ it-toroq biex iħaffer il-gandotti minn fejn jgħaddu s-servizzi tal-ilma, tal-elettriku u tad-dranaġġ…

U taħsbux li dan hu kollox. Sa minn kmieni matul is-sena jibdew il-festi li jġibu magħhom il- murtali, kemm tal-bomba kif ukoll tal-kulur. Nafu li dawn jiġbdu eluf ta’ Maltin u barranin ladarba għandhom l-isbuhija tagħhom, imma konxji wkoll li jafu jittrawmatizzaw trabi u pets, jew iħallu effett negattiv fuq l-anzjani u l-morda.

Imbagħad hemm il-festeġġjamenti li jsiru wara xi rebħa tat-tim favurit tal-futbol, bil-ħornijiet tal-carcades idoqqu anki tard billejl, il-ħsejjes tad-diskoteki għall-apert li jibqgħu jirbumbjaw sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, u saħansitra t-twerżiq tar-roti tad-dilettanti tal-karozzi li jedhewbid-drifting fl-ispazji miftuħa.

Insomma, fuq dan l-iskoll m’hemmx waqt fil-kwiet.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com