IĠRI JASAL ĠUNJU!

 IĠRI JASAL ĠUNJU!

Ix-xahar ta’ Ġunju huwa fost l-iktar xhur maħbubin mill-ħaddiema ladarba jġib miegħu jumejn ta’ btala u festi. Qed nirreferi għas-Sette Giugno u Jum l-Imnarja, magħruf ukoll bħala San Pietru u San Pawl, il-qaddisin patruni ta’ pajjiżna. Imma x’inhi l-istorja wara dawn il-jiem hekk importanti?

Is-Sette Giugno joħodna lura għal żmien l-Ingliżi meta fl-1919 folol kbar ta’ Maltin, bosta minnhom ħaddiema, telgħu l-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra n-nuqqas ta’ provvisti u l-ogħli tal-prezzijiet ta’ prodotti bħall-qamħ. Bħal kif jiġri f’okkażjonijiet jaħarqu bħal dawn kien hekk min tilef għaqlu u minħabba f’hekk is-suldati sparaw fuq il-folla u ħallew erba’ Maltin mejtin. Is-Sette Giugno għandu jfakkarna li kien hemm żmien meta l-antenati tagħna tqabdu kontra l-ħakkiem barrani biex jiksbu drittijiethom.

L-Imnarja mbagħad tmur lura ħafna iktar fiż-żmien, mela żmien ir-Rumani, u kienet festa pagana li tiċċelebra d-dawl. Għalhekk sa min żmien bikri kienu jinxtegħlu fjakkli u ħġejjeġ fuq is-swar tal-Imdina. L-Imnarja kienet tiġi ċċelebrata wara l-ħsad tal-qamħ u għalhekk permezz tagħha l-bdiewa kienu jistrieħu u jiċċelebraw wara daqstant xogħol iebes.

Lejliet il-festa kienu jsiru t-tiġrijiet mhux biss taż-żwiemel, imma anki tat-tfal u l-irġiel. Biż-żmien saret okkażjoni fejn il-bdiewa juru u jbiegħu l-prodotti agrikoli tagħhom. Ma setax jonqos li avveniment bħal dan jiżżewwaq mid-daqq tal-baned lokali, u mill-għana Malti akkumpanjat mill-kitarri. Kienet ukoll il-festa li matulha kienu jsiru bosta żwiġijiet.

Dan hu biss ftit minn dak li żewġ festi nazzjonali bħal dawn jaħbu warajhom. Għalina xi jfissru llum? L-Imnarja mhix biss okkażjoni biex nieklu l-fenek biz-zalza, niskru b’xi flixkun inbid tajjeb jew tnejn, u ngħabbu xi sabiħ jew sabiħa, imma għandha tfakkarna li elementi għal qalb il-poplu Malti kienu minn dejjem mhux biss l-ikel, imma anki t-twemmin, il-familja u l-għaqda.

Illum mal-wasla ta’ dawn iż-żewġ btajjel, parti kbira mill-Maltin imorru jqattgħu jum ħdejn il-baħar flimkien mal-familjari jew mal-maħbubin tagħhom. L-Imnarja għadha sal-lum id-data favurita ta’ dawk li jiddeċiedu li jiżżewġu anki għax nemmnu li jkun wasal il-bnazzi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com