“Meta jasal iż-żmien biex nirtira, immur ngħix Għawdex”…Ara l-VIP Date ġdida

 “Meta jasal iż-żmien biex nirtira, immur ngħix Għawdex”…Ara l-VIP Date ġdida

Wasal episodju ieħor ta’ VIP Date magħna ta’ Strada Rjali fejn laqqajna lid-DJ magħruf lokali Carl Bee u lill-eks plejer tal-futbol u ġurnalist tal-isport Antvin Monsigneur.

Huma ltaqgħu għand Chimba f’Paceville fejn kielu varjetà ta’ ikel filwaqt li raw sensiela ta’ ritratti li ggwidaw il-konverżazzjoni tagħhom sabiex isiru jafu aktar lil xulxin u l-esperjenzi ta’ ħajjithom.

Huma kielu Tacos biċ-Chicharrón, Beef Tacos Cartagena style u Empanadas Maltin, flimkien ma’ birra Club Colombia u xarba magħrufa bħala Guandolo.

Fost is-suġġetti li tkellmu dwarhom, kemm Carl u anke Antvin faħħru ħafna l-gżira Għawdxija. Antvin qal li għalkemm vjaġġa madwar id-dinja u għex barra minn Malta, l-aktar vjaġġ li jkun entużjast għalih huwa l-vjaġġ lejn Għawdex, għall-kwiet. Min-naħa tiegħu, Carl qal li hu wkoll iħobb ħafna lil din il-gżira, tant li meta jasal iż-żmien biex jirtira, jrid imur jgħix hemm.

Tkellmu dwar l-irwol ta’ ġurnalist li huwa dak li jwassal hemm barra l-verità. Antvin qal li l-irwol tiegħu bħala ġurnalist iħoss li qiegħed hemm biex jagħmel dak li huwa rikjest minnu u jinforma lill-pubbliku b’mod onest u ġust.

Id-diskussjoni tagħhom imxiet għal-logħba Karta, Ġebla jew Imqass. Logħba li qalu li kienu jilgħabu t-tnejn li huma meta kienu żgħar. Huma rriflettew fuq kif għexu kemm fiż-żmien qabel it-teknoloġija u anke wara t-teknoloġika. Antvin qal li llum il-ġurnata huwa diffiċli ma tkunx dipendenti fuq it-teknoloġija. Semma kif fl-iskola jgħidulhom biex lit-tfal ma jħalluhomx jużaw it-tablet aktar minn siegħa, iżda mbagħad iridu jqattgħu mat-tliet sigħat biex jagħmlu l-homework bit-tablet. 

Ma setgħux itemmu din il-VIP Date mingħajr ma jitkellmu fuq il-parties. Carl semma kif missieru u kuġinuh kienu DJs u bis-saħħa tagħhom tgħallem u tħajjar biex isir DJ hu wkoll. Spjega kif illum il-produzzjoni tad-diski ssir kollha fuq il-kompjuter. Dawn il-programmi jkollhom ħsejjes irrekordjati ġo fihom u jippermettulek li toħloq l-akbar hit fid-dinja bl-użu ta’ laptop u par headphones. 

Intom lil min tixtiequ li nistiednu bħala parteċipant tal-VIP date li jmiss? Għidulna fil-kummenti! Intant, jekk inti sid ta’ restorant u tixtieq tospita wieħed mill-episodji li jmiss, ikkuntattjana fuq [email protected].

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com